TNEĦĦIJA TA’ ĊERTU KWOTI TA’ L-IMPORTAZZJONI FL-2005 – MIŻURI TRANSIZZJONALI
IL-PAJJIŻI LI M’HUMIEX MEMBRI TAL-WTO JIBQGĦU SOĠĠETTI GĦALL-KWOTI
Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, jixtieq ifakkar lill-importaturi kollha li numru ta’ kwoti fuq l-importazzjoni ser jitneħħew mill-1 ta’ Jannar 2005. It-Trade Services Directorate fi ħdan id-Diviżjoni għall-Kummerċ diġa’ tat din l-informazzjoni fil-bidu ta’ Novembru 2004, u din l-informazzjoni qiegħda terġa’ tingħata llum biex tirrispondi lil dawk l-importaturi li forsi għad għandhom xi mistoqsijiet dwar dawn il-kwoti.
Fl-1 ta’ Mejju 2004, ġew introdotti kwoti temporanji fuq l-importazzjoni ta’ ċertu prodotti minn pajjiżi ta’ barra l-Unjoni Ewropea. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-kwoti ser jitneħħew mill-1 ta’ Jannar 2005, filwaqt li ċerti kwoti ta’ importazzjoni minn pajjiżi li m’humiex membri fil-World Trade Organisation (WTO) ser jibqgħu fis-seħħ.
Żraben, ċeramika u porċellana:
Il-kwoti fuq iż-żraben, ċeramika u porċellana mportati miċ-Ċina ser jitneħħew mill-1 ta’ Jannar 2005. It-tneħħija ta’ dawn il-kwoti ser issir fuq dawk il-prodotti li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni wara l- 1 ta’ Jannar 2005. Jiġifieri jekk l-importatur jippreżenta d-dokumenti tad-Dwana wara l-1 ta’ Jannar 2005, dawn il-prodotti ma jkunux soġġetti għall-kwoti. Wieħed irid jgħid pero’, li sakemm tiġi mibdula l-liġi nazzjonali, l-importatur xorta waħda jrid japplika għall-liċenzja ta’ l-importazzjoni mingħand id-Diviżjoni għal-Kummerċ, Direttorat għas-Servizzi ta’ Kummerċ. Din il-liċenzja tingħata awtomatikament mingħajr restrizzjonijiet.
Il-miżuri ta’ sorveljanza fuq iż-żraben importati mill-Vietnam ser jitneħħew ukoll mill-1 ta’ Jannar 2005.
Prodotti tat-Tessuti:
Il-kwoti fuq il-prodotti tat-tessuti ser jitneħħew minn dawk il-pajjiżi li huma membri tal-World Trade Organisation (WTO). Dan ifisser li l-kwoti fuq prodotti tat-tessuti mpurtati mill-Belarus, il-Korea ta’ Fuq, Serbia u Montenegro u l-Vietnam ser jibqgħu fis-seħħ. Dan minħabba li dawn il-pajjiżi m’humiex membri tal-WTO u għadu ma ntlaħaqx ftehim bilaterali bejn dawn il-pajjiżi u l-Unjoni Ewropea.
Il-kwoti fuq il-pajjiżi l-oħra kollha (jiġifieri Arġentina, Ċina, Indonesia, Peru, Pakistan, Singapore, Hong Kong, Indja, Korea t’Isfel, Macau, Malaysia, Philippines, Thailand u Taiwan) ser jitneħħew. Din it-tneħħija tal-kwoti tapplika għal dawk il-prodotti li jkunu tgħabbew fuq il-vapur wara l-1 ta’ Jannar 2005.
Dan ifisser li :-
dawk il-prodotti li telqu lejn Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2005 u li waslu Malta wara l-1 ta’ Jannar 2005, dawn xorta waħda ser ikunu soġġetti għal kwota bl-istess proċedura li teżisti llum. Għalhekk l-importaturi ta’ dawn il-prodotti għandu jkollhom fil-pussess tagħhom liċenzja ta’ l-esportazzjoni maħruġa mill-pajjiż minn fejn ġej ix-xogħol u huma jkunu jridu japplikaw għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni mid-Diviżjoni għal-Kummerċ, Direttorat għas-Servizzi ta’ Kummerċ.
L-importaturi tal-prodotti li jkunu tgħabbew fuq il-vapur wara l-1 ta’ Jannar 2005 għandhom japplikaw għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni u jippreżentaw il-Bill of Lading bħala prova li l-prodotti fil-fatt tgħabbew wara l-1 ta’ Jannar 2005. F’dawn il-każi, il-liċenzja ta’ l-importazzjoni tingħata awtomatikament mingħajr ebda restrizzjoni. Din il-proċedura tibqa’ tiġi segwita sakemm tiġi emendata l-liġi nazzjonali.
Fil-każ ta’ prodotti mportati miċ-Ċina, għalkemm il-kwoti ser jispiċċaw, dawn ser jibqgħu soġġetti għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni matul is-sena d-dieħla kollha. Din il-liċenzja ta’ l-importazzjoni tingħata awtomatikament mingħajr ebda restrizzjoni.
Il-miżuri ta’ sorveljanza fuq dawk il-prodotti mportati minn ċerti pajjiżi (jiġifieri United Arab Emirates, Brazil, Kyrgyzstan, Cambodia, Kazakhstan, Moldova, Mongolia, Syria, Tajikistan, Bosnia-Herzegovina, Bangladesh, Croatia, Laos, Sri Lanka, Nepal, Russja u Ukraine) ser jitneħħew mill-1 ta’ Jannar 2005. Pero’, il-miżuri ta’ sorveljanza fuq il-prodotti mportati mill-Uzbekistan u mill-Vietnam ser jibqgħu fis-seħħ għal matul is-sena d-dieħla. Il-liċenzja ta’ l-importazzjoni għal dawn il-prodotti tingħata awtomatikament basta, fejn hemm bżonn, tiġi ppreżentata l-liċenzja ta’ l-esportazzjoni maħruġa mill-pajjiż ta’ fejn ġej ix-xogħol.
Prodotti ta’ l-Azzar:
Il-kwoti fuq il-prodotti ta’ l-azzar importati mir-Russja, Ukranja u Kazakhstan m’humiex ser jitneħħew għalissa, peress li dawn il-pajjiżi m’humiex membri fid-WTO u għadu ma ntlaħaqx ftehim bilaterali magħhom. Għalhekk il-proċeduri eżistenti fuq dawn il-prodotti ser jibqgħu fis-seħħ matul is-sena d-dieħla.
Il-miżuri ta’ sorveljanza fuq dawk il-prodotti mportati mill-pajjiżi l-oħra ser jibqgħu fis-seħħ matul is-sena d-dieħla.
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mid-Diviżjoni għall-Kummerċ, Taqsima ta’ Liċenzjar għall-Importazzjoni u Esportazzjoni, Direttorat għas-Servizzi ta’ Kummerċ, Lascaris, Valletta (Tel: 21243071, 21242270).
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946