Left arrow Mur Lura

MESSAĠĠ TAL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR. LAWRENCE GONZI

PR1954
Date Icon 24/12/2004

Ħuti Maltin u Għawdxin,  

Għaddiet sena oħra minn fuqna u erġajna qegħdin ngħixu dan iż-żmien tas-sena li għandu tifsira speċjali għalina lkoll għaliex ikebbes fina sentimenti u ħsibijiet marbuta ma’ l-aktar valuri li ngħożżu bħala poplu, fosthom il-valur tal-familja, tas-solidarjetà lejn min jinsab għaddej minn xi problema, tar-rispett lejn xulxin u ta’ sens ta’ identità nazzjonali.  

Bdejt b’dan il-ħsieb għax il-Milied huwa ż-żmien li fih naħsbu f’dawk il-valuri li jgħaqqduna flimkien bħala Maltin, bħala nazzjon u bħala komunità … żguri li dak li jgħaqqadna huwa ħafna aktar sod minn dak li jifridna, u konvinti li meta jinżel is-separju fuq id-dibattitu politiku, ilkoll kemm aħna nindunaw li l-komunitajiet tagħna huma b’saħħithom daqskemm jirnexxielna napprezzaw id-diversità ta’ bejnietna.  

Nixtieq nagħti ħarsa ħafifa lejn is-sena li waslet biex tispiċċa, sena li fiha ġejt fdat bir-responsabbiltà ta’ Prim Ministru, u sena li fiha pajjiżna ngħaqad ma’ l-Unjoni Ewropea…sena li fiha l-poplu Malti kollu ħadem u stinka kemm felaħ biex pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem. Flimkien, matul din is-sena ffaċċjajna opportunitajiet u sfidi importanti. Kienet sena li fiha erġajna assistejna għat-traġedja ta’ l-immigranti illegali li spiċċaw fuq xtutna fi triqthom lejn il-ħarba għal ħajja aħjar.  Kellna sena li fiha l-pajjiż kompla jonfoq il-biċċa l-kbira tal-ġid li ħoloq fit-tisħiħ tal-qafas soċjali tas-soċjetà tagħna.  

Smajtuni diversi drabi ngħid li nħossni kburi li jien Malti u nħossni kburi b’pajjiżi.  Nixtieq intenni dan il-messaġġ. Illum forsi aktar minn qatt qabel. Fil-ftit xhur li ili Prim Ministru, għaraft iżjed u iżjed, li l-kobor tagħna bħala Maltin ġej mill-fatt li lkoll kemm aħna rridu naħdmu għall-ġid ta’ pajjiżna.  

Veru li aħna kultant nargumentaw bejnietna b’ċerta intensità. Dan hu proċess importanti li jsaħħaħna u mhux li jdgħajjifna. L-argumenti ta’ bejnietna mhumiex ħela ta’ enerġija, imma huma sforz ġenwin biex noħolqu l-ġid komuni li jkun jista’ jitgawda minn kulħadd.  

Dan il-fatt waħdu għandu jimliena b’kuraġġ.  

Wara kollox, meta tagħsar l-argumenti, issib li bejnietna hemm li naqblu fuqu. Insemmi, bħala eżempju, il-fatt li pajjiżna llum qed jagħti ħafna aktar importanza lill-ambjent ta’ madwarna.  Kulħadd huwa ħafna aktar konxju mill-importanza li f’dak kollu li nagħmlu nkunu kompetittivi.  Hawn qbil f’pajjiżna li l-edukazzjoni hija l-aqwa investiment li nistgħu nagħmlu fina nfusna u f’uliedna.  Għandna għalfejn inkunu grati għas-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali li jifformaw il-qafas ta’ solidarjetà fil-politika Maltija.   

Żgur għalhekk li ma nagħmlux ħażin li, minkejja d-diffikultajiet kollha li kellna niffaċċjaw tul din is-sena, nirrikonoxxu l-isforz kbir li kull wieħed u waħda minna qed jagħmel biex pajjiżna jiġġedded u tkompli titjieb il-kwalità ta’ ħajja li diġà ngawdu.  

Il-Milied huwa fuq kollox żmien ta’ tama u żmien ta’ tiġdid.  Hija din it-tama, u l-konvinzjoni tiegħi fil-ħila tagħkom ilkoll, li twassalni biex inħares lejn is-sena d-dieħla, is-sena 2005, b’sens ta’ kuraġġ u ottimiżmu ħalli flimkien inġeddu pajjiżna.   

Inġeddu lil pajjiżna fil-valuri ta’ bżulija, ta’ solidarjetà, u tal-familja…valuri li sawru l-ġens Malti u għenuh jegħleb kull sfida li kellu jiffaċċja.  Niġġeddu wkoll għax ir-realtà li qed ngħixu llum u r-realtà li ser inkunu qed ngħixu għada ma nistgħux niffaċċjawha billi nħarsu lura.  Niffaċċjawha biss billi nħarsu ’l quddiem u flimkien niżviluppaw soluzzjonijiet ġodda għar-realtajiet ġodda li qed nesperjenzaw.   

J’ Alla li l-awgurji tagħna f’dawn il-ġranet ikunu jfissru għal kull wieħed u waħda minna, impenn biex b’ħidmietna nagħmlu tassew Milied tajjeb għal ta’ madwarna.  Anke fil-mod li niċċelebraw dawn il-festi, ejjew tassew inħarsu saħħitna u d-dinjità tagħna. U j’ Alla wkoll li dan l-ispirtu jibqa’ magħna tul is-sena kollha biex Milied ieħor ikun Milied aħjar.  

Il-Milied huwa wkoll iż-żmien li fih nerġgħu niftakru fl-importanza tal-familji tagħna u tal-ħbieb tagħna.  Ir-relazzjonijiet u l-ħbiberiji li naqsmu huma, fuq kollox, l-aktar ħaġa importanti f’ħajjitna … mal-familji tagħna u mal-ħbieb ngħixu dawk l-esperjenzi l-aktar importanti u li jibqgħu stampati f’ħajjitna.  Ejjew dejjem nibqgħu ngħożżu dak li tassew għandu valur, l-ewwel u qabel kollox l-għożża lejn il-familji tagħna.  

Jiena, il-mara tiegħi Kate, u t-tfal nixtiequ lilkom ilkoll Maltin u Għawdxin il-Milied it-Tajjeb, mimli sliem u saħħa, u s-sena 2005 mimlija b’kull riżq u hena u ħidma biex l-awgurju tal-lum insarrfuh f’ħajja aħjar għal kulħadd.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow