IL-MIŻURA DWAR IL-FESTI PUBBLIĊI
Fid-diskors tal-Budget għas-sena 2005, il-Gvern ħabbar li l-festi pubbliċi kollha li jinzertaw is-Sibt jew il-Hadd, ma humiex ser jibqgħu jiġu kkumpensati b’ġurnata oħra vakanza matul is-sena.
Il-Gvern spjega li din il-miżura kienet qiegħda tittieħed peress li ma ntlaħaqx ftehim fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Socjali (l-MCESD) dwar numru ta’ miżuri li jtejbu l-kompetittivita’ ta’ pajjiżna. Ladarba l-imsieħba soċjali ma laħqux dan il-ftehim, allura l-Gvern kellu jerfa’ r-responsabbilta’ li jiddeċiedi dwar metodu prattiku u konkret biex tiżdied il-kompetittivita’ billi jiżdiedu l-ġranet produttivi.
Matul il-ġranet li għaddew, il-Gvern segwa l-istqarrijiet pubbliċi li saru dwar din il-miżura, nklużi stqarrijiet li rreferew għall-impatt li din il-miżura jista’ jkollha fuq azjendi fejn jeżisti ftehim kollettiv.
Wara li kkunsidra l-kummenti kollha li saru, l-Gvern iddeċieda li jimplimenta din il-miżura billi jemenda l-liġi dwar il-Festi Nazzjonali u Btajjel Pubblici oħra (Kap 252 tal-Ligijiet ta’ Malta ) u dan billi jkun hemm provvedimenti li jkopri l-każijiet fejn festi pubbliċi jaqgħu s-Sibt jew il-Hadd.
L-emenda għall-liġi ser tiġi ppreżentata bħala emenda addizzjonali għall-Abbozz ta’ liġi li jimplimenta l-miżuri tal-Budget, liema abbozz diġa qiegħed għal konsiderazzjoni tal-Parlament (Abbozz Nru 35).
Il-Gvern itenni l-istqarrija li għamel ripetutament illi l-aħjar interess tal-pajjiż ikun, li jintlaħaq ftehim nazzjonali dwar il-miżuri kollha possibbli biex titjieb il-produttivita’ u l-kompetittivita’ ta’ pajjiżna. Għaldaqstant, jekk fil-ġranet li ġejjin, sakemm tingħalaq id-diskussjoni fil-Parlament, jintlaħaq qbil bejn l-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD), allura l-Gvern ikun lest li jirrevedi din il-miżura skond il-ftehim li jkun intalaħaq, b’dan pero’ li l-miżuri mifthiema jridu jkunu effettivi u konkreti u jwasslu għall-għanijiet li l-interess nazzjonali jiddetta fuq kullħadd.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946