Left arrow Go Back

PJAN NAZZJONALI GĦALL-IMPJIEGI

PR195
Date Icon 17/02/2004

Qed jithejja Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni għall-Impjiegi (NAP) minn grupp ta’ l-ogħla uffiċċjali minn Ministeri diversi u ser jiġi diskuss fid-dettal mas-sħab soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Il-grupp (Core Committee) huwa koordinat mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea.

Is-suggetti li ser jittratta dan il-Pjan huma :

  1. Xogħol għal kulħadd u allura l-anqas qagħad possibbli.
  2. L-ogħla rata possibbli ta’ partecipazzjoni attiva mill-popolazzjoni ta’ l-eta’ tax-xogħol. Il-pjan qed jagħti kaz tal-fatt li ser tiżdied ir-rata ta’ dawk (tfal, anzjani, u persuni inattivi oħra) li ser ikunu jiddependu minn kull ħaddiem. Il-pjan ser jinkoraġixxi politika li tiffaċilita l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jidentifika aħjar is-servizzi meħtieġa.
  3. Titjib tal-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin f’kull settur: edukazzjoni primarja, sekondarja, terzjarja, vokazzjonali, u tul il-ħajja, fost konsiderazzjonijiet oħra.
  4. Evalwazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ eżistenti, ta’ sistemi u proċessi burokratiċi, il-qafas legali u fiskali li jista` jkun ta’ inċentiv jew disinċentiv għall-ħolqien tax-xogħol, u interventi settorjali speċifiċi li jista` jkollhom effett dirett fuq l-ekonomija tal-pajjiż.

Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, permezz tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC) hu responsabbli biex jikkoordina l-proċess ta’ tifsil ta’ dan il-pjan. Il-Ministru Louis Galea qed ilaqqa` il-Kumitat kull ġimgħa u fil-granet li gejjin ser jibda jiltaqa` mal-partijiet soċjali. Il-Kumitat hu magħmul mill-ogħla uffiċċjali tal-Gvern, responsabbli għall-oqsma l-aktar rilevanti tal-politika ekonomika ta’ Malta.

Fil-Kumitat hemm rappreżentati l-Malta Enterprise, l-Awtorita` Maltija tat-Turizmu, il-MEPA, il-Ministeri tal-Finanzi, Edukazzjoni, u Politika Soċjali, kif ukoll esperjenza mis-Settur Privat.

Il-Ministru Louis Galea fisser li qatt daqs illum, l-intervent tal-Gvern fis-suq tax-xogħol ma kien jiddependi mill-edukazzjoni u mill-ħtieġa urġenti li jogħlew il-ħiliet tal-ħaddiema tal-lum u ta’ għada. "L-iskejjel, edukazzjoni għola, tagħlim tul il-ħajja, u taħriġ vokazzjonali kontinwu, huma l-istrumenti moderni ta’ investiment fil-kapital uman, fil-kompetittivita` fit-tul, u fis-suċċess ekonomiku."

Il-Ministru Louis Galea qal li l-ekonomija ta’ Malta tinsab għaddejja minn trasformazzjoni mgħaġġla. “Il-Gvern jaqra s-sinjali taż-żminijiet tajjeb u nafu li r-ristrutturar huwa proċess inevitabbli u li l-ħolqien ta’ l-impjiegi jiddependi mis-settur privat."

Louis Galea qal li l-verita` tas-sitwazzjoni hi li l-industrija li tħaddem ħafna nies ta’ ħiliet bażiċi mhix ser tibqa` daqshekk kompetittiva f’diversi swieq produttivi u tas-servizzi. Il-futur jiddependi mill-iżvilupp tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol u billi nattiraw dawk is-setturi industrijali u tas-servizzi li jirrikjedu flessibilita`, impenn u intelliġenza fix-xogħol."

Louis Galea sostna li biex inżidu l-valur max-xogħol tagħna, jeħtieġ inkomplu bl-isforz qawwi li niżviluppaw l-intelliġenza u l-ħiliet tal-poplu kif ukoll il-metodi tat-tagħlim ħalli nkunu kapaċi nilqgħu għat-tibdil kontinwu fis-swieq. Jeħtieġ ukoll li ntejbu l-infrastruttura kif ukoll il-proċessi legali, fiskali u burokratiċi biex nagħtu l-aqwa nifs u mhux noħonqu l-inizjattiva privata.

Louis Galea sostna li s-sitwazzjoni ta’ l-impjiegi mhix tant differenti llum minn dik li kellna fl-1998. “Minn dak iz-zmien, il-pajjiż ħa deċizjonijiet kruċjali u enormi u qed jaffaċċja ir-realtajiet ekonomiċi globali. Din mhix l-ewwel darba li Malta qed tiffaċċja dawn is-sitwazzjonijiet. Hekk kif irbaħna b’suċċess sal-lum, ser nerggħu nagħmlu suċċess fil-ġejjieni."

Il-Ministru Louis Galea fisser li Malta issa ser tifforma parti mis-suq ewlieni Ewropew - suq li qed jaħdem biex isir l-aktar suq dinamiku fid-dinja sa’ l-2010. Aktar kemm inkunu preparati u aktar kemm naħdmu b’urġenza f’dan il-qafas, aktar kmieni pajjiżna jibda jaħsad il-frott tad-deċizjonijiet importanti li ħadna."

Il-Pjan irid jispjega kif Malta ser tintegra fis-suq tax-xogħol Ewropew u kif ser inżidu r-ritmu tar-rata tal-progress biex jilħaq lil dak Ewropew. Il-Pjan hu l-istrument li bih inkejjlu r-riżultati ta’ l-iżvilupp u nuru liema huma l-oqsma li fihom tassew għandna bżonn l-għajuna tal-fondi soċjali u strutturali Ewropej. Il-Pjan ser jintuża biex jitkejjlu s-suċċess tal-Gvern, ta’ l-ekonomija u tal-poplu Malti in ġenerali.

Louis Galea temm jgħid: “Iż-żminijiet diffiċli li għaddejjin minnhom huma t-test tad-determinazzjoni tagħna li naffaċċjaw u nirbħu l-isfidi ta’ bidla u prosperita` li dħalna għalihom."


DOI 17.02.2004

Tagħrif Għall-Medja – Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni għax Xogħol (MOED 17/02/040


Il-Pjan t’Azzjoni Nazzjonali – magħruf aħjar fl-Istati Membri ta’ l-UE bħala NAP (National Action Plan) – hu strument ewlieni ta’ l-Istrateġija Ewropea tax-Xogħol. L-Istrateġija ġiet varata wara li ġie inkluż Titlu dwar ix-Xogħol fit-Trattat ta’ Amsterdam (1997). Permezz tat-Trattat, Stati Membri kkommettew rwieħhom li jkollhom livell għoli ta’ parteċipazzjoni u li jikko-ordinaw politika tax-xogħol fuq livell Komunitarju. L-Istrateġija tinvolvi ċiklu annwali li jorbot l-Istati Membri jirraportaw il-progress u l-pjanijiet tagħhom fuq numru ta’ linji ta’ gwida komuni. Għalhekk, kull Ġunju, il-Kunsill Ewropew jaddotta Pakkett ta’ Linji ta’ Gwida li fuqu l-Istati Membri jfasslu l-Pjan t’Azzjoni Nazzjonali li għandhom jissottomettu f’kull Ottubru lill-Kummissjoni Ewropea.

Bħala Stat Membru ġdid Malta se tissottometti l-ewwel Pjan t’Azzjoni Nazzjonali f’Ottobru 2004. Il-Pjan t’Azzjoni Nazzjonali se jkun mibni b’tali mod li jwieġeb għat-tliet miri ewlenin ta’ l-Istrateġija Ewropea tax-Xogħol. Dawn huma 1) Xogħol għal kulħadd 2) Kwalita’ u produttivita’ fuq il-postijiet tax-xogħol 3) Koeżjoni soċjali u suq tax-xogħol inklussiv. Il-grupp qed ifassal miżuri li Malta qed tippjana li tieħu fir-rigward ta’ l-Għaxar Linji ta’ Gwida (ara kaxxa isfel). L-istrateġija Ewropea tax-Xogħol tirrikonoxxi l-kontribut li għandu jsir mill-imsieħba soċjali fl-iżvilupp u t-twettiq tal-Pjan t’Azzjoni Nazzjonali. Il-Pjan t’Azzjoni Nazzjonali tal-UE ser ikun eżaminat minn organu parlamentari qabel is-sottomissjoni tiegħu lill-Kummissjoni.

Fuq qbil li ntlaħaq fil-Kabinett fis-27 ta’ Jannar 2004, ix-xogħol fuq il-Pjan t’Azzjoni Nazzjonali beda. Working Group, presedut mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea u magħmul minn rappreżentanti ta’ Ministeri ewlenin (Turiżmu, Finanzi, Ippjanar Ekonomiku, Edukazzjoni, Statistika u oħrajn), għandu ir-responsabbilta` li joħroġ l-ewwel abbozz tal-Pjan. Il- Working Group hu assistit minn tim ta’ riċerkaturi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ. Rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem se jkunu kkonsultati regolarment kemm fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) kif ukoll individwalment. Diment li r-riċerkaturi jkunu qed jikkonsultaw grupp wiesgħa ta’ msieħba soċjali twaqqfet website biex tħajjar rispons u suġġerimenti mill-pubbliku. Fil-fażi tal-kitba tal-Pjan t’Azzjoni Nazzjonali partijiet minnu se jkunu ppubblikati fuq il-website: www.etc.org.mt/nap

Kuntatt mat-tim ta’ riċerkaturi jista’ jsir fuq 22201114 jew 22201125. Abbozz sħiħ tal -Pjan t’Azzjoni Nazzjonali hu mistenni li jkun lest f’Ġunju ta’ l-2004.

L-Għaxar Linji ta’ Gwida huma:

  • Miżuri attivi u preventivi għal nies bla xogħol jew qiegħda
  • Promozzjoni ta’ ħolqien ta’ xogħol u intrapriża
  • Tkun indirizzata l-bidla u ssir promozzjoni ta’ l-addattabilita` u l-mobilita` fis-suq tax-xogħol
  • Promozzjoni ta’ l-iżvilupp tal-kapital uman u tagħlim tul il-ħajja
  • Jiżdiedu l-persuni li kapaċi jaħdmu u ssir promozzjoni ta’ l-anzjanita` attiva
  • Tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn is-sessi
  • Issir promozzjoni ta’ l-integrazzjoni ta’ persuni żvantaġġati fis-suq tax-xogħol
  • Jiżdiedu l-incentivi biex ix-xogħol isir aktar attraenti u jkun jaqbillek taħdem
  • Jinbidel ix-xogħol moħbi f’xogħol regolari
  • Ikunu indirizzati differenzi reġjonali fix-xogħol
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow