Left arrow Go Back

JITQASSMU GHALL-EWWEL DARBA CERTIFIKATI FIT-TAHRIG BAZIKU TAL-COACHING

PR1947
Date Icon 22/12/2004

L-Istitut ta’ l-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport flimkien mal-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) ippreżentaw ċertifikat lil 29 student li spiċċaw il-kors Bażiku fil-‘Coaching’ (Foundations of Coaching) li sar għall-ewwel darba din is-sena. Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żagħżagħ u Xogħol Louis Galea.

L-etajiet ta’ l-istudenti kienu jvarjaw bejn id-dsatax u l-ħamsin sena. Dan huwa kors li qed toffri l-Università flimkien mal-KMS. Il-KMS qed tippjana li tagħmel dan iċ-ċertifikat obligatorju biex wieħed ikun jista’ japplika għal-liċenzja tal-coaching f’Malta. Iċ-ċertifikat iservi għal kull dixxiplina fl-isport u hu mmirat għall coaches preżenti u futuri li m’għandhom l-ebda ċertifikat fil-pedagoġija u x-xejnza tal-metodi tal-coaching.

L-applikazzjonijiet għall-kors li jmiss, li se jibda fi Frar 2005, ser jintlaqghu mill-Università bejn it-3 u l-14 ta’ Jannar. Il-kors huwa miftuħ għal dawk kollha li juru nteress fil-coaching. Kull m’għandu bżonn biex wieħed japplika huwa li jkollu mill-inqas 18-il sena u 5 O-levels bi grad 5 jew pass u li fosthom jinkludu l-Malti, l-Ingliż, Matematika u żewġ suġġetti oħra. Dawk kollha li għandhom ‘il fuq minn 23 sena jistgħu jidħlu bħala studenti maturi wara intervista li ssir mill-Bord ta’ l-Ammissjoni. Kull min japplika jrid jgħaddi minn intervista, u jkun wera nteress f’xi sport u/jew fl-edukazzjoni fiżika. Dawk li m’għandhomx il-kwalifiki meħtieġa jistgħu xorta jattendu dan il-kors u fl-aħħar jingħataw ċertifikat ta’ l-attendenza.

Il-kors, li hu twil 28 siegħa, hu maqsum fi 3 partijiet u l-assessjar isir permezz ta’ testijiet u assignments. Barra minn hekk l-istudenti kollha huma mitluba jagħmlu 15-il siegħa prattika li għandha x’taqsam mal-coaching.

Il-Ministru Galea, wara li feraħ lil dawk kollha li ħadu ċ-ċertifikat, irringrazzja wkoll lill-Università u lill-KMS ta’ l-inizjattiva u ħeġġeġ lil dawk kollha nteressati f’dan il-qasam biex jieħdu l-kwalifiki meħtieġa. “Fil-Kurrikulu Nazzjonali qed tingħata mportanza kbira lill-edukazzjoni fiżika u dan il-kors ikompli mhux biss jenfasizza l-bżonn ta’ ċertifikati fl-isport, iżda jagħti ċans li x-xogħol ta’ l-individwi jiġi rikonoxxut. Illum żgħażagħ tagħna diġa jistgħu jagħmlu eżami tas-SEC fl-edukazzjoni fiżika biex ikollhom ċertifikat li jippremjahom għax-xogħol u l-ħiliet tagħhom”, kompla l-Ministru Galea.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow