RESQIN LEJN TMIEMHOM L-EWWEL FAŻIJIET TAX-XOGĦOL FUQ TOROQ IFFINANZJATI MILL-PROTOKOL TALJAN
L-ewwel toroq mibnijin mill-ġdid bil-fondi tal-Ħames Protokol Finanzjarju bejn Malta u l-Italja ser jibdew jintużaw mis-sewwieqa Maltin fi żmien ftit ġimgħat, hekk kif ix-xogħol fuq tliet biċċiet ta’ toroq prinċipali twal madwar ħames kilometri beda riesaq lejn tmiemu.
Il-Prim Ministru, l-Onor. Lawrence Gonzi dal-għodu żar waħda minn dawn it-toroq - Triq l-Imdina bejn Ħal-Qormi u Ħaż-Żebbuġ - fejn bħalissa qed jitpoġġa l-ewwel saff ta’ asfalt wara li tlesta x-xogħol kollu relatat mas-servizzi, l-installazzjoni ta’ storm water drainage system u l-bini tal-pedamenti. Din it-triq, b’tul ta’ kilometru, tinsab madwar 85% lesta u ser tinfetaħ għat-traffiku fi ftit ġimgħat oħra.
Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru qal li l-14 –il kilometru ta’ toroq li qed jinbnew mill-ġdid bil-fondi tal-Protokol Taljan ser ikunu benchmark għal kif għandhom jinbnew it-toroq ta’ Malta u Għawdex.
“Il-prattiċi ġodda li qed jintużaw fil-kostruzzjoni ta’ dawn it-toroq ser iwasslu biex dawn iservu għal 25 sena. Dan ifisser li issa għandna l-għodda biex inħarsu aktar fit-tul u niżviluppaw strateġija li twassal biex pajjiżna jkollu network ta’ toroq li tassew jixraq lil pajjiż modern u Ewropew. Meta jispiċċa x-xogħol fuq it-toroq iffinanzjati mill-Protokol Taljan, ikun diġa beda x-xogħol fuq is-seba’ proġetti tat-toroq li ser jiġu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Il-mira tal-Gvern hija li jkollna ‘network’ ta’ toroq li jkun state-of-the-art,” qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru żied jgħid li biex tintlaħaq din il-mira hemm bżonn ta’ investiment qawwi tant li fil-Budget tas-sena d-dieħla, il-Gvern ivvota nefqa ta’ aktar minn Lm15 –il miljun li hija d-doppju ta’ dak li kien qed jiġi vvutat fis-snin preċedenti. Fuq il-progetti ffinanzjati mill-Protokol Taljan diġa tħallsu mat-Lm 3 miljuni, għalkemm l-ammont ta’ xogħol li fil-fatt sar huwa stmat li qabeż din il-figura. Meta wieħed jgħodd dawn mal-budget għat-toroq mill-fond konsolidat, jiġifieri Lm 6 miljuni jasal għall-figura ta’ Lm 9 miljuni minfuqa matul is-sena 2004 - li hija nefqa rekord.
Ir-rikostruzzjoni ta’ din il-parti ta’ Triq l-Imdina qed isir mill-kuntrattur Taljan F.lli Anastasi Snc flimkien mas-subcontractor Malti Asfaltar Co. Ltd. Ix-xogħol kien beda f’Ġunju u jinsab miexi ftit jew wisq skond l-iskeda. Malli titlesta din il-karreġġjata, ix-xogħol fuq Lot 3 ser ikompli b’fażijiet 2 u 3. Dawn ser jinvolvu il-bini mill-ġdid tal-karreġġjata l-oħra li tagħti minn Ħaż-Żebbuġ lejn Ħal Qormi b’tul ta’ kilometru u l-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa u Triq Ħal Qormi sa ħdejn it-terminal l-antik tal-ajruport b’ tul totali ta’ madwar żewġ kilometri oħra. Ix-xogħol fuq dawn iż-żewġ fażijiet ser jibda f’Jannar u ser ikun għaddej fl-istess ħin. Hu mistenni li t-tieni fażi ma tieħux aktar minn tliet xhur biex titlesta u għalhekk tkun tista’ tinfetaħ għat-traffiku f’Marzu.
Intant, ix-xogħol fuq Lots 1 u 2 ukoll miexi b’rata mgħaġġla.
Fuq Lot numru 1 tqiegħed l-ewwel saff ta’ asfalt fuq l-ewwel fażi kollha, jiġifieri fi Triq Buqana minn ħdejn iċ-ċimiterju tal-Mtarfa sar-roundabout tal-Qlejja, għajr għall-parti madwar il-pont fin-naħa tal-Qlejja. Ix-xogħol fuq it-tieni fażi, jiġifieri mir-roundabout tal-Qlejja sa’ Tarġa Gap kien beda madwar tliet xhur ilu u bħal issa qed jitpoġġew is-servizzi.
Għalkemm il-kuntrattur fuq Lot numru 2 kien waqa’ lura fix-xogħol skond l-iskeda li kien ħejja, dan reġa qabad jaħdem b’ritmu tajjeb u diġa poġġa l-asfalt fuq karreġġjata ta’ Triq l-Imdina li mir-roundabout tad-Dorotej twassal sar-roundabout ta’ Srina, limiti tar-Rabat.
Ġimgħatejn ilu il-Gvern iffirma kuntratti ma’ tliet kuntratturi Taljani oħra biex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq tliet biċċiet ta’ toroq oħra. Dawn it-toroq huma t-triq bejn ir-roundabout tad-Dorotej f’Ħaż-Żebbuġ u Bieb De Rohan, it-triq li tagħti minn Tal-Qlejja saż-Żebbiegħ u t-triq li minn Ħaż-Żebbuġ twassal sas-Siġġiewi. Il-kuntratturi bħal issa għaddejjin bil-mobilisation sabiex jibdew ix-xogħol fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett f’kumment lill-ġurnalisti qal: “L-iskala tax-xogħolijiet fuq toroq li hawn għaddejjin bħal issa m’għandhiex preċedent f’pajjiżna. Meta tqis li t-toroq li qed isiru mill-Protokol Taljan jammontaw għal 10 fil-mija tan-network arterjali u distributorju meta jitlestew dawn it-toroq fil-ħarifa tas-sena d-dieħla, il-perċezzjoni tan-network tat-toroq Maltin u Għawdxin m’għandhiex tibqa’ daqstant negattiva.”
“Dan ir-ritmu ta’ xogħol ser jibqa’ għaddej fis-snin 2005, 2006 u 2007, fejn mistenni li tinżamm nefqa ta’ madwar Lm15 –il miljun fis-sena,” temm igħid il-Ministru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946