AKTAR MINN 1200 KTIEB BĦALA RIGAL TAL-MILIED GĦALL-ISKEJJEL
Għat-tieni sena konsekuttiva l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni ddeċieda li minflok ma jintbagħtu kartolini tal-Milied jinxtraw numru ta’ kotba għall-iskejjel kollha ta’ l-istat biex jintużaw mit-tfal fl-edukazzjoni tagħhom u għall-qari b’mod ġenerali.
Waqt li kien qed iqassam il-kotba lit-tfal li kienu qed jirrappreżentaw l-iskejjel tagħhom, il-Ministru Louis Galea appella lil kulħadd biex jikkunsidra li din is-sena jagħtu ktieb bħala rigal tal-Milied kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti. Il-Ministru tenna li l-kotba jagħtuna l-opportuntà niskopru u nitgħallmu, niddevertu u nistrieħu u għalhekk huma rigal ideali.
Aktar minn 1,200 ktieb inxtraw mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni minflok ma ntbgħatu kartolini tal-Milied. Kull skola primarja (77), sekondarja (37) jew speċjali (5), ta’ l-Istat, f’Malta u Għawdex, se jingħataw numru ta’ kotba biex jintużaw mit-tfal tagħhom. Din is-sena saret enfasi fuq kotba għall-Kindergartens u l-ewwel snin, dawn jinkludu kotba kbar (Big Books) u kotba li jgħinu lit-tfal jitgħallmu jaqraw. Il-kotba li ngħażlu huma kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-Ministeru hu impenjat favur il-litteriżmu u l-qari f’kull livell u għalhekk hu jħoss li din l-għotja ta’ kotba hi l-aħjar riġal li jista’ jingħata lill-iskejjel fi żmien il-Milied. Hu qal li l-kotba huma għodda li tgħin fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp u għalhekk huma investiment għaqli fil-poplu Malti.
Filwaqt li rringrazzja lil kull min bagħtlu l-awguri, il-Ministru Galea ħa l-opportunità biex jawgura Milied hieni lill-poplu Malti u Għawdxi u sena ġdida mimlija ferħ u paċi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946