SE JSIR F’MALTA L-“EUROPEAN TOURISM FORUM 2005”
Malta ntagħżlet biex f’Ottubru 2005 torganizza l-“European Tourism Forum 2005”. Din se tkun ir-raba’ edizzjoni ta’ dan il-forum. L-ewwel forum kien organizzat fi Brussels fl-2003, it-tieni sar f’Albano Terme u Venezja, fl-Italja fl-2003 filwaqt li l-aħħar edizzjoni saret f’Budapest, l-Ungerija f’Ottubru li għadda.
L-Unjoni Ewropea b’25 Stat Membru hi l-akbar destinazzjoni u l-akbar suq turistiku fid-dinja. Il-Forum dwar it-turiżmu fl-Ewropa jagħti ċans lil rappreżentanti ewlenin mill-industrja turistika, is-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali u awtoritajiet li jiddiskutu l-isfidi f’dan is-settur hekk importanti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura ħabbar l-għażla biex Malta tospita l-“European Tourism Forum 2005” meta ltaqa’ mal-media fil-Kavallier ta’ San Ġakbu ‘Ċentru għall-Kreattività. Hu qal li l-għażla ta’ Malta biex tospita dan il-forum kien rikonoxximent ta’ l-importanza li s-settur turistiku għandu fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Francis Zammit Dimech sostna li Malta kienet l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li jiddependi mis-settur turistiku. Hu fakkar li kwart tal-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna kien jiddependi mit-turiżmu kif kienu jiddependu mit-turiżmu 40,000 impjieg.
“Qabel it-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropa f’Mejju li għadda t-turiżmu u l-ivvjaġġar kien jagħmel tajjeb għal 21 miljun impjieg u 1,150 biljun euro ta’ gid nazzjonali. Dan hu 12.9 fil-mija ta’ l-impjiegi u 11.7 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku ta’ l-UE meta kellha 15-il Stat Membru. Biż-żieda ta’ 10 membri ġodda s-sehem tat-turiżmu fl-Unjoni Ewropea kiber. Iżda minkejja dan is-sehem hekk qawwi li dan is-settur għandu fl-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea m’hemmx Kummissarju responsabbli mit-turiżmu biss. Irridu naħdmu biex ikun hemm Kummissarju responsabbli minn dan is-settur hekk vitali għall-ekonomija Ewropea,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Franciz Zammit Dimech qal li t-turiżmu kien ħiereġ mill-kriżi li daħal fiha wara l-attakki terroristiċi ta’ Settembru 2001. Hu qal li din is-sena mistennija tkun sena rekord għat-turiżmu internazzjonali bis-sehem ta’ l-Ewropea jilħaq il-58 fil-mija tas-suq dinji. Francis Zammit Dimech qal li anke għal pajjiżna din kienet l-ewwel sena li fiha qed naraw żieda wara tliet snin kajmani. Hu qal li sa Ottubru li għadda kellna żieda ta’ 37,361 turist, jew ta’ 3.7 fil-mija fuq l-istess perijodu s-sena li għaddiet. Fakkar ukoll li minn ċifri maħruġa mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jirriżulta li f’Novembru kien hemm żieda fil-movimenti ta’ 2.9 fil-mija biex fl-ewwel ħdax il-xahar tas-sena ż-żieda kienet tilħaq 6.2 fil-mija fuq l-istess perijodu s-sena l-oħra.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien qed iħares b’ottimiżmu kawt lejn l-2005 għaliex l-indikazzjonijiet kienu li t-titjib ta’ din is-sena kien se jkompli. Hu fakkar li fil-budget il-Gvern kien qed jimmira għal żieda ta’ 50,000 turist fl-2005. Hu qal li kien maħsub li minn ftuħ ta’ lukandi ġodda matul is-sena d-dieħla kien se jkun hemm żieda ta’ 27,000 turist ‘ġdid’ bid-differenza jiġu minn ‘niċeċ’ li ħloqna tul is-snin u minn niċeċ ġodda li qed nibnu.
Francis Zammit Dimech qal li l-aqwa niċċa turistika ta’ pajjiżna tibqa’ dik tat-turiżmu kulturali li qed tkompli tisseddaq permezz tas-sinerġija li nħolqot bejn it-turiżmu u l-kultura li llum huma taħt ministeru wieħed. Hu ta bħala eżempju l-proġett ta’ l-Imdina/Rabat fejn is-sena d-dieħla se jkun inawgurat ir-Roman Domus, se jiġi riabilitati u msebbħa l-Ġonna Howard biex flimkien max-xogħol ta’ riabilitazzjoni li kien qed jitwettaq fl-Imdina tul l-aħħar snin tingħata dehra mill-isbaħ lil dan is-sit hekk storiku u turistiku fl-istess waqt.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-‘European Tourism Forum’, li mistenni jattira lejn pajjiżna madwar 400 delegat, għandu jagħtina l-opportunità li mhux biss nippromwovu lil pajjiżna bħala ċentru turistiku u kulturali fost l-24 Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea iżda nuru l-faċilitajiet li noffru għall-konferenzi kif ukoll il-vantaġġi tat-turiżmu intern f’komunità ta’ 450 miljun abitant.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946