RESTAWR TAL-KNISJA TA’ SANTA MARIJA TAĊ-ĊWERRA FIS-SIĠĠIEWI
Matul din is-sena 2004, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura wettaq ħidma intensiva fuq diversi proġetti ta’ restawr fuq bini storiku u importanti f’bosta bliet u rħula. Fost dawn il-proġetti ta’ restawr insibu dak fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ċwerra fis-Siġġiewi.
Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, il-Perit Ninu Zammit waqt żjara li għamel f’din il-knisja li tinsab fil-qalba tal-pjazza tas-Siġġiewi, fejn ra l-aħħar xogħlijiet li qegħdin jitwettqu fuq dan il-proġett.
Din il-knisja nbniet fl-1742 mid-Dumnikani tal-Birgu, fuq art imħollija mill-Gran Mastru Ramon Despuig. Il-knisja ħadet post kappella mibnija iktar minn seklu qabel. Il-kundizzjoni tal-ġebel tal-franka li minnu hi mibnija l-knisja tvarja ħafna. Din il-knisja kienet suġġetta għal diversi studji li saru mill-Università ta’ Malta fis-snin disgħin, u għaldaqstant kien possibli li jkunu ndikati sew il-kawżi tal-ħsarat. Il-Ministru Zammit spjega li l-partijiet t’isfel kienu miksija, u kienu relattivament f’kundizzjoni stabbli. Huwa kompla billi qal li f’nofs l-għoli tal-knisja, il-ġebla kienet ferm deterjorata, tant li f’diversi partijiet il-ġebla kienet mikula diversi centimetri ’l ġewwa. Dan kien kawża tal-kwalità inferjuri tal-ġebla.
Il-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura tenna li x-xogħol qed isir skond Konvenzjonijiet u metodi internazzjonali, fejn l-għan prinċipali tar-restawr huwa wieħed li jirrispetta binja storika, u jgħaddieha b’mod l-iktar awtentiku lill-ġenerazzjonijiet futuri. Biex dan l-għan jintlaħaq, il-ġebla eżistenti qed titnaddaf u tissaħħaħ kif ukoll il-bdil ta’ ġebel qed ikun limitat. Il-Ministru Zammit enfasizza li permezz ta’ din il-filosofija ta’ restawr, jiġi żgurat li xogħol missirijietna jitħares u jitgawda anke minn uliedna. Bl-istess ħsieb qed isir ukoll ir-restawr ta’ l-aperturi ta’ l-injam, u partikolarment il-bieb prinċipali, li għadu dak tal-Knisja oriġinali. Dan inqala’ minn postu, u qed jigi rrestawrat u msaħħah bil-għan li jerga’ jitwaħħal.
Il-Ministru Ninu Zammit semma wkoll li matul is-sena ġew imwettqa diversi proġetti ta’ restawr f’diversi lokalitajiet oħra ġewwa Malta. Fost dawn insibu ir-restawr fil-Knisja ta’ Lapsi, fil-kappella ta’ Santa Katarina fl-Imqabba, fil-Kolleġjata ta’ San Pawl fir-Rabat, il-Knisja ta’ Sarria fil-Floriana, xogħlijiet fil-Palazz Presidenzjali u l-Bieb tal-Griegi fl-Imdina. Twettqu wkoll diversi xogħlijiet ta’ restawr ġewwa l-belt Valletta bħal dawk fil-Knisja tal-Madonna ta’ Liesse, fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, fil-Knisja tal-Ġiżwiti u fil-Knisja tal-Vitorja.
Il-Ministru Zammit tenna li l-parti l-kbira ta’ dawn il-proġetti qed jitwettqu mit-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura bl-għajnuna ta’ xi studenti mill-MCAST li qed jingħataw l-opportunità li jitħarrġu f’din is-sengħa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946