INAWGURAT PRESEPJU ARTISTIKU FIL-BALLUTA
Il-presepju għadu attrazzjoni ewlenija tal-Milied f’pajjiżna u għandu sinifikat sew reliġjuż kif ukoll folkloristiku.
Biex tinkoraġixxi din id-drawwa l-Kummissjoni Nazzjonali Folklor fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura kull sena torganizza erba’ kompetizzjonijiet għal presepji. Dawn jitqassmu f’erba’ kategoriji: Presepji Mekkaniċi; Presepji Kbar Statiċi; Presepji Żgħar Statiċi u Presepji Oriġinali.
Fl-imħażen tal-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fi Triq il-Kbira l-Balluta ttella’ presepju artistiku minn Adrian Baldacchino. Dan il-presepju ġie inawgurat uffiċjalment mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nhar it-Tnejn 13 ta’ Diċembru.
Il-Ministru Zammit Dimech feraħ lil Adrian Baldacchino għall-isforzi tiegħu biex tella’ dan il-presepju u awgura li ħafna nies jżuruh u japprezzaw ix-xogħol artistiku li fih.
“F’Malta d-drawwa li narmaw il-presepju mhux talli ma ntilfitx iżda qed tikber. Il-bini tal-presepju hi arti u folklor. Hi arti għaliex min jibni presepju jrid ikollu t-talent li joħloq xi ħaġa oriġinali u b’artistrija u li jqiegħed l-ideat tiegħu fil-kartapesta, jew fil-ġibs jew xi materjal ieħor. Hi folklor għaliex ‘il-bini’ tal-presepju hu drawwa li ilha nieżla minn ġenerazzjoni għall-oħra għal bosta u bosta snin. Il-presepju jkompli fuq kollox jkabbar l-ispirtu tal-Milied u għalhekk għandna ninkorraġuh,” qal il-Ministru Francis Zammit Dimech.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946