STRATEĠIJA NAZZJONALI GĦALL-WIRT KULTURALI
Waqt li kien qed jindirizza Forum Nazzjonali li sar skond kif jitlob l-Att ta’ l-2002 dwar il-Wirt Kulturali u l-Att ta’ l-2002 dwar il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li fid-dinja hawn ħafna gżejjer akbar minnha iżda dawn m’humiex kollha Stati indipendenti bħal Malta. Hu semma b’eżempju Sqallija u Sardinja li huma ħafna akbar minn Malta sew bħala massa ta’ art kif ukoll bħala popolazzjoni iżda dawn m’humiex stati indipendenti iżda jagħmlu parti mill-Italja.
X’wassal biex Malta tkun pajjiż Sovran u Indipendenti, staqsa l-Ministru Zammit Dimech? Hu qal li Malta minn dejjem kienet post strateġiku. Fiż-żmien meta d-dinja kienet iddur madwar il-baħar Mediterran, li kien ukoll magħruf bħala l-Baħar tan-Nofs, Malta kienet fiċ-ċentru taċ-ċivilizzazzjoni li kienet magħrufa dak iż-żmien. Hu qal li Malta hi ukoll gżira u nazzjon tal-fruntiera li żammet dejjem ċertu insularità minn pajjiżi oħra.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’dan ix-xenarju kollu Malta rnexxielha toħloq il-kultura tagħha li tagħżilna minn kull nazzjon ieħor. Malta għandha l-lingwa tagħha li wkoll tagħżilna minn nazzjonijiet oħra. Malta għandha l-arti tagħha li hi l-aqwa reklam għal Malta. Malta għandha t-tradizzjonijiet u l-folklor li jiddistingwuna minn popli oħra. Dawn huma kollha ingredjenti biex pajjiż ikun nazzjon u fil-mixja kostituzzjonali tagħna lejn l-akkwist ta’ l-Indipendenza dawn kienu bla dubbju d-dwal li warajhom imxejna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li pajjiżna mill-1 ta’ Mejju sar jagħmel parti mill-Unjoni Ewropea, għaqda ta’ 25 nazzjon. Hu qal li minkejja li aħna l-iċken pajjiż, minkejja li l-popolazzjoni tagħna hi ta’ biss 400,000 f’popolazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha li hi ta’ 450 miljun, il-vuċi tagħna f’din l-Unjoni hi daqs tal-24 membru l-oħra u sehmna fid-deċizzjonijiet hu daqs tal-pajjiżi l-oħrajn kollha kbar u żgħar. Fl-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea l-Maltin jistgħu jitkellmu u jiktbu bil-Malti għaliex il-lingwa tagħna hi waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-UE. L-Unjoni Ewropea hi marbuta li tirrispetta d-diversità tal-kulturi u identitajiet tal-pajjiżi membri u tgħin permezz ta’ fondi biex tippromwovi dawn il-kulturi u identitajiet.
Bħala pajjiż indipendenti fi ħdan l-UE hu fl-interess tagħna li nsaħħu l-identità ta’ pajjiżna billi nsaħħu l-kultura tagħna, il-lingwa tagħna, it-tradizzjonijiet tagħna. Hu qal li hu f’dan l-isfond li rridu nkomplu nsaħħu l-wirt kulturali u l-arti f’pajjiżna. Hu għalhekk li rridu nkomplu nġeddu l-Att ta’ l-2002 dwar il-Wirt Kulturali u l-Att ta’ l-2002 dwar il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti.
Il-Ministru għall-Kultura u Turiżmu qal li ż-żewġ liġijiet jaħsbu biex ikun hemm fora bħal dik li qed tkun organizzata llum u din is-sena ħsibna li nġibu flimkien dawn iż-żewġ laqgħat li jġibu flimkien dawk kollha interesati fil-kultura, l-arti u l-wirt kulturali ta’ pajjiżna. Hu qal li f’din il-laqgħa hawn parteċipazzjoni minn istituzzjonijiet ewlenin, Kunsilli Lokali, speċjalisti fid-diversi suġġetti li qed ikunu diskussi, għaqdiet volontarji. Dawn kollha għandhom interess li jaraw l-arti u l-kultura jimxu ’l quddiem.
Francis Zammit Dimech qal li l-preżenza ta’ tant għaqdiet u individwi f’dan il-forum juri biċ-ċar li l-arti u l-kultura f’pajjiżna, kif ukoll il-wirt kulturali, m’għadhomx aktar immexxija minn għaqdiet monolitiċi iżda minn żewġ organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw is-setturi tal-kultura u l-arti minn banda u tal-wirt kulturali mil-banda l-oħra. Fl-istess waqt t-twaqqif tal-Kunsilli Lokali u l-importanza mogħtija lill-għaqdiet volontarji fil-leġislazzjoni li saret dan l-aħħar dwar il-Wirt Kulturali, jagħtu dimensjoni ġdida lir-rwol tal-komunitajiet lokali u gruppi interessati.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-forum ta’ din is-sena se jiddiskuti speċifikament il-politika kulturali kif ukoll il-preparazzjoni li trid issir għall-Ewwel Strateġija Nazzjonali għall-Wirt Kulturali. Hu qal li l-preparazzjoni b’suċċess ta’ dan id-dokument tkun garantita biss permezz ta’ proċess konsultattiv li jinkludi dawk li jifformulaw il-politika kulturali, speċjalisti, stakeholders u lil dawk kollha li jinteressaw ruħhom fis-suġġett.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li hu maħsub li d-dokument finali li se jiġi ppreżentat lill-Parlament jipprovdi bażi aktar soda għad-djalogu, żvilupp istituzzjonali, il-bini ta’ l-infrastruttura meħtieġa u direzzjoni.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fil-qasam tal-wirt kulturali pajjiżna għandu ħafna x’joffri. Hu qal li pajjiżna għandu fost l-eqdem siti storiċi tad-dinja, għandu taħlita ta’ bini u arkitettura li ħallew warajhom dawk kollha li f’xi żmien jew ieħor okkupaw pajjiżna. Pajjiżna xorob mil-lingwi ta’ dawk li okkupawna u minnhom inħolqot il-lingwa tagħna, il-Malti. Pajjiżna għandu wirt ta’ xogħlijiet ta’ arti u ta’ wirt kulturali kbir. Għandu wirt ta’ manifestazzjonijiet reliġjużi li bħalhom ma jittellgħu mkien aktar.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan kollu jagħmilna speċjali u jikkontribwixxi biex ikollna l-identità tagħna. Hu qal li rridu nagħmlu minn kollox biex dan il-wirt mhux biss ngħożżuh iżda naħdmu biex nippromovuh fostna ħalli kulħadd isir aktar konxju minn dak li għandna. Hu qal li l-wirt kulturali tagħna ridna nħarsu lejh minn aspett ieħor. Hu qal li minbarra Ministru responsabbli mill-Kultura kien ukoll responsabbli mit-Turiżmu, settur li kien jagħtina kwart tal-ġid nazzjonali. Hu qal li l-wirt kulturali ta’ pajjiżna kien jinkwadra fil-politika tal-Gvern li jkompli joħloq niċeċ fejn nistgħu nikkompetu u li kien ċert li waħda minn dawn in-niċeċ kienet dik tat-turiżmu kulturali li s’issa qed jattira lejn pajjiżna 200,000 turist fis-sena iżda li għandu possibiltajiet kbar għal tkabbir.
Il-Ministru ghat-Turizmu u Kultura fakkar li fil-Budget għall-2005 il-Gvern qed jieħu miżuri biex isaħħaħ il-qasam kulturali f’pajjiżna mhux biss b’aktar flus iżda anke b’mezzi amministrattivi li jkomplu jiġbru taħt żewġ soqfa dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kultura u l-arti u l-wirt kulturali. Hu qal li dan għandu jkompli jressaq l-arti u l-kultura lejn il-poplu u jgħin biex inkunu nistgħu nattiraw aktar turisti lejn pajjiżna.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li xtaq jawgura li minn dan il-forum joħorġu deċiżjonijiet li jkomplu jqiegħdu l-kultura u l-arti fid-dominju pubbliku. Hu awgura li l-Istrateġija Nazzjonali għall-Wirt Kulturali sservi ta’ miżura li fuqha nkejlu l-isforzi kollettivi tagħna biex insostnu l-wirt kulturali uniku ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946