DISKORS MILL-ONOR NINU ZAMMIT, MINISTRU GĦAR-RIŻORSI U L-INFRASTRUTTURA, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TA’ ESEBIZZJONI DWAR IX-XOGĦLIJIET TAD-DIPARTIMENT TAL-MANIFATTURA U SERVIZZI - MARSA
Sinjuri,
Nilqagħkom f’okkażjoni tal-ftuħ ta’ din l-esebizzjoni interessanti li tittratta d-diversi tipi ta’ xogħlijiet tekniċi u ta’ snajja’ li joffri d-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi (MSD), li tifforma parti mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura.
Dan id-dipartiment huwa nvolut f’xogħol ta’ inġinerija u teknika f’aspetti ta’ xiri, manifattura, armar, installazzjoni, manutenzjoni u tiswija. In-natura mifruxa tax-xogħol hi riflessa fiż-żewg friegħi u t-tlett bażijiet ta’ dan id-Dipartiment, li fil-preżent bejniethom iħaddnu tnax (12) il-Sezzjoni u żewġ (2) Koperattivi tekniċi.
Fl-impjant tal-Marsa jsir ix-xogħol konness ma’ l-injam, etal, elettriku, plumbing, tiswija ta’ liftijiet, air-conditioning, aluminju, tabelli u sinjali tat-traffiku. L-impjant ta’ Kordin iservi għal xogħol mekkaniku u elettriku, konness maż-żamma fi stat operattiv ta’ vetturi u nġenji żgħar u kbar. L-esebizzjoni tal-lum qed tipprovdilna aktar tagħrif dettaljat f’dan ir-rigward.
L-għan ewlieni ta’ din l-attività hu wieħed ta’ reklamar u promozzjoni għall-prodotti u s-servizzi offruti mid-Dipartiment, lill-klijenti eżistenti u prospettivi. Huma biss il-koperattivi li wieħed isib fl-ambitu tal-MSD li jaħdmu għal kull tip ta’ klijent kemm pubbliku kif ukoll privat. Il-bqija tax-xogħol li jsir minn dan id-Dipartiment permezz tas-sezzjonijiet tekniċi hu ntenzjonat esklussivament għal klijenti pubbliċi, jiġifieri speċifikament għal dipartimenti u entitajiet tal-Gvern.
Għalhekk, nistedinkom tieħdu l-okkażjoni sabiex idduru u taraw il-prodotti esebiti f’ dawn l-istands. Il-kampjuni ta’ prodotti u għodod flimkien mar-ritratti u l-ispjegazzjonijiet preżentati jagħtu indikazzjoni pożittiva tar-riżors u l-kwalità li wieħed isib f’dan id-Dipartiment. Inħeġġiġkhom sabiex tieħdu l-okkażjoni u tiddiskutu aspetti u possibilitajiet ta’ xogħol ma’ l-uffiċjali tal-MSD li jinsabu hawn għad-dispożizzjoni tagħkom.
Għal dawk fostkom li għadkom m’intomx daqshekk intiżi dwar l-MSD, hawn għandkom l-opportunità li taraw provvista ta’ prodotti u ta’ servizzi bi prezz ferm kompetittiv. Jien konvint li hawn se ssibu nies esperti u serji disposti li jgħinukom.
Personalment, jiena nemmen ħafna f’dan id-Dipartiment u fil-ħaddiema tiegħu. Ili snin twal b’konoxxenza u nsegwi mill-qrib lill-garaxx tal-gvern, kif kien u għadu magħruf b’mod popolari u b’affezzjoni dan id-Dipartiment. Matul din is-sena li qed toqrob biex tispiċċa, l-MSD kien involut f’bosta proġetti li twettqu u qegħdin jitwettqu mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura.
Fost dawn ta’ min isemmi proġetti bħall-Barrakka ta’ Fuq, Paceville, Buġibba, ix-Xarolla u l-Kottonera, li kollha rrikjedew l-impenn ta’ ħafna ħaddieda, mastrudaxxi, plumbers u electricians tal-MSD. Dawn kienu xogħlijiet li twettqu kemm ġewwa l-workshops kif ukoll barra fuq is-siti. Dawn il-ħaddiema flimkien ma’ dawk fl-impjant ta’ Kordin qed ikunu wkoll involuti wkoll fil-proġetti ta’ prevenzjoni mill-għargħar. L-electricians u l-ħaddieda huma mpenjati wkoll fil-progett ta’ l-Imdina. Kemm l-electricians, kif ukoll il-plumbers, kienu nvoluti fix-xogħlijiet għaċ-ċelebrazzjonijiet tad-dhul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, permezz tal-proġett tal-mixgħela tal-Forti Sant Anglu u s-swar tal-Belt.
Bi pjaċir ninnota wkoll li, tul is-sena 2004, l-MSD ta’ spiss ta servizzi utli wkoll lil diversi entitajiet pubbliċi. Fost dawn insibu xogħol li għadu għaddej ta’ ħaddieda u mastrudaxxi kemm għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja kif ukoll għall-Heritage Malta fil-Villa Rumana tar-Rabat. Il-mastrudaxxi wettqu proġett kbir ta’ numru ta’ gallariji ġodda ta’ l-injam għall-Housing Authority, filwaqt li l-plumbers wettqu xogħol għal Wasteserv fejn dawru parti sew mill-mizbla tal-Magħtab bil-fencing.
L-akbar klijenti tal-Lifts Section għal din is-sena kienu l-isptarijiet pubbliċi, ir-residenzi ta’ l-anzjani u l-qrati. L-Airconditioning Section wettqet xogħlijiet fl-Isptar San Luqa, fl-Awtorità tat-Turiżmu u fid-Diviżjoni tal-Kummerċ. Hemm xogħlijiet oħra għall-futur qarib, li huma miftiehma jew fi proċess ta’ ppjanar avvanzat. Dawn se jinvolvu parteċipazzjoni qawwija mill- ħaddiema tal-MSD. Fuq dawn żgur li jkollna opportunitajiet oħra biex nelaboraw dwarhom fil-gimgħat u x-xhur li ġejjin. L-entitajiet pubbliċi li intom qed tirrapreżentaw qed jingħataw ċans li permezz tagħkom jingħaqdu ma’ din il-lista ta’ xogħlijiet.
L-MSD hu dipartiment kbir li jinkludi fih mal-500 ħaddiem, u biex wieħed iżomm lil kulħadd okkupat b’mod utli huwa meħtieġ li jiġu attirati ordnijiet ġodda ta’ xogħol b’mod regolari. Bil-kompetizzjoni li tezisti llum għal xogħlijiet pubbliċi minn kuntratturi privati, l-MSD irid ikompli jimpenja ruħu bis-sħiħ sabiex iżomm il-klijenti eżistenti u jattira oħrajn ġodda. Bil-kultura tax-xogħol, bir-rieda u l-abbiltü li jidhru li qegħdin hemm, fiduċjuż li l-ħaddiema u l-mexxejja tal-MSD kapaċi jqumu għall-okkażjoni, jgħelbu l-isfidi biex ikomplu jirrendu.
Grazzi
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946