Left arrow Go Back

DISKORS MILL-E.T. IL-PROFESSUR GUIDO de MARCO, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TAL-PRANZU STATALI AD UNUR L-E.T. IL-PROFESSUR VAIRA VIKE-FREIBERGA, PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA U L-PROFESSUR IMANTS FREIBERGS – IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA - 16 TA’

PR189
Date Icon 16/02/2004

Sinjura President u Prof. Freibergs,

Eċċellenzi,
Sinjuri 

Huwa bi pjaċir kbir li nilqagħkom fuq xtutna, fuq din il-gżira tagħna fiċ-ċentru tal-Mediterran, ta’ dan il-baħar ta’ inkontri bejn iċ-ċiviltajiet.

Din hija serata ta’ ċelebrazzjoni għal ħafna raġunijiet. Mhux l-inqas għax illum hija ġurnata storika fin-nisġa tar-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Latvja. Din hija infatti, l-ewwel Viżita Statali f’Pajjiżna minn Kap ta’ Stat tal-Latvja.

Eċċellenza,

Mhix il-politika li tagħmel in-nies iżda l-oppost, huma n-nies li jagħmlu l-politika. Din hija d-dikjarazzjoni li għamel bi tbatija, iżda b’enerġija, il-Poplu tal-Latvja. Għaliex fl-istorja tagħha, storja twila ta’ inkursjonijiet, ta’ okkupazzjonijiet u annessjoni forzata, il-Latvja qatt ma ċediet id-determinazzjoni tagħha li tagħmel realtà l-ħolma ta’ stat indipendenti u sovran. Din l-istorja inti, Eċċellenza, tafha sewwa għaliex int li għaddejt tfulitek fil-kampijiet ta’ rifuġjati ġewwa l-Ġermanja.

Kważi tlettax-il sena wara li pajjiżek kiseb l-Indipendenza tiegħu, il-Latvja wettqet lilha nnifisha u tat prova tagħha stess. Pajjiżek illum hu storja ta’ suċċess. Iż-żmien ta raġun lil min kellu l-kuraġġ, u hekk kif pajjiżek jieħu postu fil-familja Ewropea flimkien ma’ Malta u mal-pajjiżi l-oħrajn, il-Latvja llum hija xhieda għal dawk kollha li emmnu fiha, għal dawk li għexu għall-ideal ta’ Latvja libera u demokratika.

Malta ma beżgħatx tagħmel il-parti tagħha meta l-istorja sejħitilha. Kien propju fil-portijiet Maltin meta f’Diċembru ta’ l-1989, il-President ta’ l-Istati Uniti li dik il-ħabta kien George Bush, u l-President ta’ l-Unjoni Sovjetika, li kien Mikhail Gorbachev, iltaqgħu u ddikjaraw it-tmiem tal-Gwerra Bierda. Dan ta lok għal dak il-katalist li pprovoka l-qawmien ta’ dawk l-istati li għal ħafna żmien għexu mċaħħda mill-jeddijiet tagħhom. U fost dawn il-pajjiżi kien hemm anki l-Latvja. Din il-ġrajja, però, kienet aktar minn sempliċi appuntament ma’ l-istorja: kien eżerċizzju fid-diplomazija għas-servizz tal-paċi, kien eżempju ċar ta’ dak kollu li jista’ jseħħ bis-saħħa ta’ djalogu determinat, u bil-loġika tal-persważjoni. 

Eċċellenza,

Qiegħda tisbaħ era ġdida fuq il-pajjiżi tagħna, hekk kif fi ftit ġimgħat oħra l-Popli tagħna se jsiru Membri fl-Unjoni Ewropea. Dan mhuwiex fini fih innifsu iżda l-bidu ta’ kapitlu ġdid fl-istorja tagħna: spedizzjoni li se tirrealizza aktar lil pajjiżna: vjaġġ ġdid li se jsaħħaħ il-ħbiberija tagħna, ħbiberija bbażata fuq prinċipji u valuri komuni filwaqt li tagħmel mid-diversità tagħna, unità u saħħa. Dan huwa l-vjaġġ li se nibdew flimkien fl-ewwel ta’ Mejju li ġej – vjaġġ ikkaratterizzat mhux biss bil-prinċipji tal-libertà u d-demokrazija, u ta’ suq wieħed, iżda b’sens profond ta’ solidarjetà bejn il-popli tagħna, sens li se jwarrab l-aggressjoni u l-konflitti bejn il-popli tagħna għall-kotba ta’ l-istorja.

Pajjiżna għandhom ħafna x’joffru fil-kostruzzjoni ta’ din il-Maison Commune, ta’ din id-dar komuni. Iċ-ċokon ta’ pajjiżna, f’termini ġeografiċi, huwa fonti ta’ ispirazzjoni li jsostni mhux tant l-ambizzjoni iżda l-prinċipji tagħna, filwaqt li nħarsu l-interessi tagħna u nagħrfu navvanzaw flimkien ideat għall-Ewropa. Malta dejjem sostniet li d-daqs ta’ pajjiż hu relattiv biss għall-ideat u l-viżjoni li jagħraf jiġġenera.

L-Ewropa ta’ għada għandha tkun Ewropa miftuħa, għandha tkun waħda li tibqa’ fidila lejn dawk il-valuri u l-kulturi li, sa minn dejjem, sostnewha u li għamlu mill-ekonomija soċjali tas-suq, l-etika tal-kummerċ tagħna. Għandha tkun fuq kollox, Ewropa tal-Popli, Ewropa li tikber u timxi ’l quddiem flimkien.

Eċċellenza,

Il-ġeografija għamlet minn Malta salib it-toroq ta’ ċiviltajiet. Aħna ngħixu f’reġjun li huwa kkaratterizzat b’kontradizzjonijiet: aħna mdawrin b’baħar, li jżomm ġo fih orgolji u preġudizzji li ħafna drabi mhuma xejn ħlief fehmiet żbaljati, jekk mhux ipoteżi fantażmi.

Huwa pilastru tradizzjonali tal-politika estera ta’ Malta li naħdmu għall-istabbilità u għas-sigurtà fir-reġjun Mediterraneu. Malta ilha ħafna ssostni li l-Mediterran għandu bżonn l-Ewropa u li l-Ewropa għandha bżonn il-Mediterran. Din il-missjoni aħna sejrin infittxu li nsostnuha bl-adeżjoni ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Malta fl-Unjoni Ewropea mhix il-fruntiera fin-Nofsinhar ta’ l-Ewropa – Malta fl-Unjoni Ewropea hija l-pont bejn l-Ewropa u d-dinja Għarbija u viċe versa. Din hija l-filosofija ta’ Malta, il-Mission Statement ta’ pajjiżna.

Din il-missjoni ta’ bini ta’ pontijiet bejn il-ġnus hija wkoll komuni għal-Latvja għax il-ġeografija rrendiet lil pajjiżek ukoll f’salib it-toroq fejn il-Lvant jiltaqa’ mal-Punent. Nidentifikaw ruħna mal-ħsieb tiegħek meta fid-diskors li għamilt fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru li għadda, inti għidt li aħna kollettivament għandna nfittxu li nevitaw il-konflitti bejn iċ-ċiviltajiet.

Hija wkoll minn din il-perspettiva li Malta temmen bis-sħiħ f’Organizzazzjoni ta’ Nazzjonijiet Uniti b’saħħitha li, permezz ta’ sħubija fiha, tiggarantixxi l-ġustizzja, il-paċi u l-istabbilità. Id-dinja għandha bżonn aktar Nazzjonijiet Uniti u mhux inqas Nazzjonijiet Uniti. 

Eċċellenza,

Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li rrikonoxxew ir-Repubblika tal-Latvja. Minn dak iż-żmien il-pajjiżi tagħna dejjem gawdew minn relazzjonijiet ta’ ħbiberija, relazzjonijiet li jawguraw tajjeb għall-futur u jwittulna t-triq għall-interattività aktar mill-qrib. Nemmen però, li hemm benefiċċji reċiproċi jekk nagħrfu napprofittaw aktar mill-ħbiberija tagħna u nkabbru l-koperazzjoni bejnietna, speċjalment fuq livell ekonomiku, li sa issa għadu fqir.

Għalkemm pajjiżna jinsabu fit-truf opposti ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta u l-Latvja għandhom ċertu somiljanza fid-diversità tagħhom, għandhom ċertu parallelliżmu li jsib il-qofol tiegħu fil-kliem ta’ qima li jinsġu l-innijiet nazzjonali tal-pajjiżi tagħna, għax l-innu tagħna, Eċċellenza bħal tiegħek, huwa wkoll talba lil Alla biex ibierek u jħares lil pajjiżna.

B’dawn il-ħsibijiet, nistedinkom Eċċellenzi, sinjuri, tgħollu t-tazzi tagħkom u tixorbu għas-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tagħha l-President Vaira Vike-Freiberga u ta’ żewġha l-Professur Freibergs u għall-prosperità u l-ħbiberija bejn Malta u l-Latvja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow