IL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI MA JILQAX L-ISFIDA TAL-GVERN
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ma’ laqax l-isfida li għamillu l-Gvern biex jippreżenta l-evidenza sħiħa li qed jgħid li għandu u li skond hu “turi li l-informazzjoni li n-Nazzjonalisti qed jagħtu dwar il-pożizzjoni finanzjarja ta’ L-Enemalta u dwar kif iddaħħlet is-surcharge ta’ 17% fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma hija informazzjoni li ngħatat apposta b’mod imħawwad.”
Il-Gvern qed itenni l-isfida li għamel lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.
Il-Gvern isostni li l-introduzzjoni tal-fuel surcharge temporanja saret wara l-parir tal-PricewaterhouseCoopers (li huma l-awdituri ta’ l-Enemalta u għalhekk l-aktar organizzazzjoni familjari mal-finanzi tal-Korporazzjoni) dwar kif u b’kemm il-finanzi ta’ l-Enemalta se jintlaqtu s-sena d-dieħla minħabba l-prezz internazzjonali taż-żejt; (ir-rapport tal-PWC huwa ppubblikat) u l-konsultazzjonijiet ma’ l-imsieħba soċjali fl-MCESD.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jmeri is-sewwa magħruf meta jgħid li “meta telgħu fil-Gvern in-Nazzjonalisti (1998) żammew l-istess kontijiet” kif għamilhom hu fl-1997. Din hi falsità grassa li tmur kontra l-verità li jixhida kull Malti u Għawdxi. Il verità sagrosanta hi li:
Dar b’persuna waħidha (li minnhom hawn 78,023) fl-1997 kienet tħallas medja ta’ Lm145.11. Il-medja tal-kont ta’ bejn l-1998 u l-2004 kienet Lm76.62. Jiġifieri persuna waħidha frankat mir-rati ta’ Dr. Sant medja ta’ Lm68.49 fis-sena jew Lm479 bejn l-1999 u l-2004.
Dar b’żewġ persuni (li minnhom hawn 30,373) fl-1997 kienet tħallas medja ta’ Lm154.11. Il-medja tal-kont ta’ bejn l-1998 u l-2004 kienet Lm92.31. Jiġifieri familja ta’ żewġ persuni frankat mir-rati ta’ Dr. Sant medja ta’ Lm62.20 fis-sena jew Lm435 bejn l-1999 u l-2004.
Dar bi tlett persuni (li minnhom hawn 28,489) fl-1997 kienet tħallas medja ta’ Lm184.90. Il-medja tal-kont ta’ bejn l-1998 u l-2004 kienet Lm115.71. Jiġifieri familja ta’ tlett persuni frankat mir-rati ta’ Dr. Sant medja ta’ Lm69.19 fis-sena jew Lm484 bejn l-1999 u l-2004.
Dar b’erba’ persuni (li minnhom hawn 30,909) fl-1997 kienet tħallas medja ta’ Lm207. Il-medja tal-kont ta’ bejn l-1998 u l-2004 kienet Lm134.51. Jiġifieri familja ta’ żewġ persuni frankat mir-rati ta’ Dr. Sant medja ta’ Lm71.49 fis-sena jew Lm507 bejn l-1999 u l-2004.
Dar b’ħames persuni jew aktar (li minnhom hawn 16,915) fl-1997 kienet tħallas medja ta’ Lm251.18. Il-medja tal-kont ta’ bejn l-1998 u l-2004 kienet Lm155.20. Jiġifieri familja ta’ ħames persuni jew aktar frankat mir-rati ta’ Dr. Sant medja ta’ Lm95.98 fis-sena jew Lm672 bejn l-1999 u l-2004.
Il-verità sagrosanta hi li bit-tnaqqis tal-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista fl-1998 mir-rati esaġerati ta’ Dr. Sant ta’ l-1997, id-djar Maltin iffrankaw kumplessivament Lm91.5 miljuni.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni qiegħed jippersisti fit-tattika tiegħu li jinnega l-verità tal-fatti, meta qed jerġa’ jdaħħal parametri irrilevanti meta jqabbel il-prezz taż-żejt m’hux maħdum illum ma’ dak li kien xahar, xaharejn jew tlett xhur ilu. L-Enemalta ma tixtrix żejt kuljum u qatt ma tixtri żejt m’hux maħdum. L-Enemalta tixtri żejt maħdum b’livell imnaqqas ta’ kubrit u gas oil biex tiġġenera l-elettriku. Skond l-istimi li għamlu PricewaterhouseCoopers ibbażati fuq il-futures taż-żjut li ser tixtri l-Enemalta s-sena d-dieħla, l-ispiża fl-2005 ser tkun madwar 280% ta’ l-ispiża fl-1999, sena wara li l-aħħar kien hemm tnaqqis fin-nollijiet li jħallsu l-konsumaturi.
L-Enemalta qed tgħaddi lill-konsumatur 48% biss ta’ din id-differenza fil-prezz internazzjonali u qed taħdem biex tirkupra kemm tista’ mit-52% l-oħra tad-differenza billi ttejjeb l-effiċjenza tagħha.
Il-bżonn tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li jipprova japprofitta ruħhu minn realtà dinjija li l-Gvern ma jista’ qatt ikollu kontroll fuqha, ġejja mill-fatt li meta kien hu fil-Gvern ma weriex li kien kapaċi jamministra sitwazzjoni simili għal din. Il-Gvern ifakkar li dak inhar, mingħajr ebda pressjonijiet tal-prezzijiet internazzjonali taż-żejt, mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali, mingħajr kunsiderazzjoni għall-familji b’każijiet soċjali, il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista żied il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’medja ta’ 98%. Il-fatt li llum – sitt snin wara – il-Gvern qiegħed idaħħal surcharge temporanja ta’ medja ta’ 14% fuq il-kontijiet tal-familji Maltin turi d-differenza kbira fil-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet f’qasam daqstant importanti.
F’kuntest għal kollox irrelevanti, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni imbagħad għamel kummenti dwar l-iżvilupp tal-Forti Chambray. Il-Gvern ifakkar li l-ġimgħa d-dieħla stess ser jibda’ dibattitu fil-Parlament fejn ser ikun hemm l-opportunità sħiħa li ssir diskussjoni dwar dan l-iżvilupp. M jkunx għalhekk f’loku li ġranet qabel il-Parlament jiltaqa’ biex jiddiskuti din il-materja, jinbeda dibattitu bi skambji ta’ stqarrijiet għall-istampa. Il-Gvern qed jirriserva t-tweġibiet tiegħu għad-dibattitu fil-Parlament.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946