Left arrow Mur Lura

MIŻURI FAVUR DAWK INQAS IXXURTJATI

PR1880
Date Icon 07/12/2004

Il-Fiera tal-Milied organizzata fit-Trade Fair Grounds in-Naxxar daħlet fil-kalendarju ta’ attivitajiet ta’ qabel il-Milied. Din is-sena l-Fiera tal-Milied se tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Fondazzjoni Eden li se jikkontribwixxu biex jinħoloq Ġnien tal-Milied f’waħda mill-ikbar tined li hawn f’pajjiżna.  

Aktar minn 1,600 metru kwadru se jinbidlu fi ġnien fejn se jkun  hemm divertiment minn  artisti lokali u fejn  se jinħoloq ambjent familjari b’kafeterija u minn fejn ikun jista’ jinxtara ikel tradizzjonali Malti.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Dr.  Francis Zammit Dimech inawgura din il-Fiera nhar it-Tlieta 7 ta’ Diċembru. Hu awgura lil 65 esibitur, li qed jimlew 10 swali bil-prodotti varji tagħhom, negozju tajjeb u li filwaqt li jbiegħu, jferrħu wkoll lil dawk kollha li se jżuru l-istands tagħhom. “Dawn huma żminijiet meta nagħtu u naqilgħu rigali. Iżda m’hemm xejn  isbaħ milli tagħti speċjalment lil dawk li jeħtieġu l-għajnuna tagħna.  

Il-ftit li jagħti kulħadd jagħmel il-ħafna u joħroġ il-qalb tajba tagħna l-Maltin li magħrufin għal kemm nilqgħu b’entużjażmu l-appelli għall-għajnuna għal dawk l-organizazzjonijiet volontarji, li jaħdmu fost dawk li l-aktar għandhom dritt għal din l-għajnuna,” qal Francis Zammit Dimech, filwaqt li appella biex f’dawn il-jiem ma ninsewx il-Fondazzjoni Eden, li qed tagħmel tant ġid għal dawk inqas fortunati.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern kien jemmen bil-fatti li dawk svantaġġjati kellhom jingħataw kull għajnuna biex jegħlbu l-iżvantaġġi tagħhom. Hu qal li anke fil-budget ta’ din is-sena, kien hemm miżuri favur ġenituri b’ulied bi bżonnijiet speċjali u favur dawk li għandhom  dawn il-bżonnijiet speċjali.  

Ġenituri li għandhom jew se jibgħatu l-uliedhom bi bżonnijiet speċjali fi skejjel privati, u li jħallsulhom għas-servizz ta’ facilitator, (kemm il-darba l-ħtieġa ta’ facilitator tkun ċertifikata mill-iStatementing Moderating Panel u kemm il-darba l-impjieg ta’ facilitator ikun skond kif rakkomandat mill-Bord imwaqqaf għal dan l-iskop), jingħataw għajnuna fiskali permezz ta’ eżenzjoni mid-dħul taxxabbli tagħhom ta’ l-ewwel Lm4,000 mill-ispiża marbuta mas-servizz ta’ dan il-facilitator.  

Francis Zammit Dimech qal li hemm żewg miżuri oħra fil-budget. Hu qal li ġiet maħduma skema li permezz tagħha l-Gvern jirrifondi l-VAT li tkun tħallset fuq dawk l-oġġetti mixtrija minn persuni b’diżabilita’ kemm il-darba dawn ikunu intenzjonati għall-użu esklussiv tagħhom.  

Dr. Francis Zammit Dimech qal li għajnuna oħra se tingħata lill-koppji b’diżabilita’ li jridu jiżżewwġu. Illum meta żewġ persuni b’diżabilita’ li jkunu jieħdu l-pensjoni ta’ diżabilita’ jiżżewġu, wieħed minnhom jitlef id-dritt tal-pensjoni. Il-Gvern issa se jibda jħallas il-pensjoni ta’ diżabilita’ liż-żewġ persuni b’diżabilita’ li jiżżewġu.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li  n-numru ta’ dawk li jieħdu allowance għal tfal b’diżabilita’, kif ukoll l-ammonti li joħroġ il-Gvern għalihom, kien qed jikber. Hu qal   li s-sena l-oħra 660 tfal bi bżonnijiet speċjali ħadu din il-pensjoni filwaqt li tħallsu aktar minn Lm3 miljun f’pensjonijiet ta’ diżabilita’. Il-Ministru qal  li dan kollu kien qed jgħidu biex anke f’okkażjonijiet ta’ ferħ bħalma huma dawk tal-Milied, filwaqt li niċċelebraw, niftakru wkoll f’persuni oħra u ngħinuhom bl-aħjar mod.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow