TWEĠIBA DWAR IL-FUEL SURCHARGE
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor. Alfred Sant il-bieraħ ġie kkwotat mill-Partit tiegħu “jiddikjara li hemm evidenza sħiħa li turi li l-informazzjoni li n-Nazzjonalisti qed jagħtu dwar il-pożizzjoni finanzjarja ta’ l-Enemalta u dwar kif iddaħħlet is-surcharge ta’ 17% fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma hija informazzjoni li ingħatat apposta b’mod imħawwad.”
Il-Gvern jinsisti li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għandu jippreżenta din l-evidenza sħiħa minnufih.
L-introduzzjoni tal-fuel surcharge, u d-deċiżjoni dwar kif l-aħjar issir tistrieħ fuq żewġ binarji ewlenin:
(1) il-parir tal-PricewaterhouseCoopers (li huma l-awdituri ta’ l-Enemalta u għalhekk l-aktar organizzazzjoni familjari mal-finanzi tal-Korporazzjoni) dwar kif u b’kemm il-finanzi ta’ l-Enemalta se jintlaqtu s-sena d-dieħla minħabba l-prezz internazzjonali taż-żejt; u
(2) il-konsultazzjonijiet ma’ l-imsieħba soċjali fl-MCESD.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni qiegħed idaħħal parametri irrilevanti meta jqabbel il-prezz taż-żejt m’hux maħdum illum ma’ dak li kien xahar, xaharejn jew tlett xhur ilu. L-Enemalta ma tixtrix żejt kuljum u qatt ma tixtri żejt m’hux maħdum.
L-Enemalta tixtri żejt maħdum b’livell imnaqqas ta’ kubrit u gas oil biex tiġġenera l-elettriku. Skond l-istimi li għamlu PricewaterhouseCoopers ibbażati fuq il-futures taż-żjut li ser tixtri l-Enemalta s-sena d-dieħla, l-ispiża fl-2005 ser tkun madwar 280% ta’ l-ispiża fl-1999, sena wara li l-aħħar kien hemm tnaqqis fin-nollijiet li jħallsu l-konsumaturi.
L-Enemalta qed tgħaddi lill-konsumatur 48% biss ta’ din id-differenza fil-prezz internazzjonali u qed taħdem biex tirkupra kemm tista’ mit-52% l-oħra tad-differenza billi ttejjeb l-effiċjenza tagħha.
Il-bżonn tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li jipprova japprofitta ruħhu minn realtà dinjija li l-Gvern ma jista’ qatt ikollu kontroll fuqha, ġejja mill-fatt li meta kien hu fil-Gvern kien inkapaċi fl-amministrazzjoni ta’ sitwazzjoni bħal din.
Dak inhar, mingħajr ebda pressjonijiet tal-prezzijiet internazzjonali taż-żejt, mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali, mingħajr kunsiderazzjoni għall-familji b’każijiet soċjali, il-Gvern imexxi mill-Partit Laburista żied il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’medja ta’ 98%. Il-fatt li llum – sitt snin wara – il-Gvern qiegħed idaħħal surcharge temporanja ta’ medja ta’ 14% fuq il-kontijiet tal-familji Maltin turi d-differenza kbira fil-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet f’qasam daqstant importanti.
Il-Kap Laburista għandu joqgħod aktar attent kif juża l-kelma ‘ingann’ għax kull ma jmur aktar qed juri li t-tattika tiegħu hija waħda distruttiva u mingħajr rispett lejn il-verita’.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946