SUĊĊESS GĦALL-KAMPANJA CLEAN UP THE WORLD 2004
Il-kampanja Clean Up the World għal din is-sena ġiet fi tmiemha b’attività f’Pembroke u li fiha ħadu sehem fost l-oħrajn membri parlamentari u membri tal-korp diplomatiku.
Il-kampanja li kienet organizzata mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent kienet organizzata fuq jumejn għall-ewwel darba minn kemm ilha ssir f’Malta.
Fost l-attivitajiet li ġew organizzati għal din l-okkażjoni kien hemm attività ta’ tindif taħt il-baħar fl-inħawi ta’ l-Exiles f’Tas-Sliema. F’din l-attività ħadu sehem madwar tletin bugħaddas u magħhom ingħaqad ukoll il-Ministru George Pullicino.
Fl-attività li saret f’Pembroke, ħdejn iċ-ċentru Martin Luther King ħadu sehem numru ta’ membri parlamentari u membri tal-korp diplomatiku. Din l-attività saret bil-kollaborazzjoni ta’ l-Armata li pprovdiet l-apparat u l-makkinarju meħtieġ. F’din l-attività neħħew madwar żewġ trakkijiet ta’ skart.
Fl-aħħarnett, iż-żewġ Ministeri jesprimu d-diżappunt li d-deputati ta’ l-Oppożizzjoni u l-għaqdiet ambjentali ma pparteċipawx f’dawn l-attivitajiet.
Fl-istess waqt, iż-żewġ Ministeri jesprimu l-apprezzament tagħhom għal kull min ta s-sehem tiegħu biex din l-attività laħqet l-iskop li titfa’ dawl fuq il-problema ta’ rimi ta’ skart li għadna niffaċċjaw f’pajjiżna. L-awgurju hu biex din il-kampanja sservi bħala mezz ieħor importanti biex ikompli jiżdied l-għarfien dwar il-ħarsien ta’ l-ambjent ta’ madwarna.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946