CLEAN UP THE WORLD - “FLIMKIEN NĦARSU L-AMBJENT GĦAL ĠEJJIENI AĦJAR”
F’okkażjoni tal-Clean Up the World, li għall-ewwel darba qeda tkun organizzata fuq bażi ta’ jumejn, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino żaru diversi postijiet fejn twettaq tindif mid-Dipartiment ta’ l-Indafa Pubblika u minn diversi skejjel. It-tema magħżula għal din is-sena hija: “Flimkien inħarsu l-ambjent għal ġejjieni aħjar”.
Il-Ministru Ninu Zammit tenna li s-sucċċess ta’ din il-kampanja ma jiddependix biss mix-xogħol li jitwettaq mid-Dipartiment ta’ l-Indafa Pubblika iżda wkoll mill-pubbliku. Għalhekk fl-aħħar ġimgħat ġew ikkuntattjati l-Kunsilli Lokali, skejjel, NGO’s, għaqdiet volontarji, entitajiet kummerċjali, il-Forzi Armati u Membri Parlamentari biex jagħtu s-sehem tagħom.
Il-Ministru Ninu Zammit faħħar l-impenn tad-Dipartiment ta’ l-Indafa Pubblika għax-xogħol siewi u bla heda, li twettaq fl-aħħar xhur f’diversi widien, toroq arterjali u industrial estates li spiċċaw miżbliet ta’ skart mitfuħ b’mod illegali minn nies irresponsabbli. Fl-ewwel ħdax-il xahar ta’ din is-sena nġabbru ’l fuq minn 16,000 tunnellata ta’ skart ta’ kull tip minn dawn il-postijiet. Dan sewa lill-poplu jew lit-‘taxpayer’ ’l fuq minn Lm440,000.
Il-Ministru ghar-Riżorsi u Infrastruttura Ninu Zammit appella wkoll biex kulħadd jagħmel is-sehem tiegħu fejn għandu x’jaqsam mas-separazzjoni ta’ l-iskart, kif ukoll biex isir użu aktar kemm tal-bring-in sites, kif ukoll tal-bulky refuse service, liema sistema ta’ bulky refuse tidher li qeda tiġi utilizzata tajjeb mill-pubbliku. B’dan il-mod kulħadd ikun qed jagħti sehmu biex jintlaħaq l-iskop ta’pajjiż aktar nadif.
Id-Dipartiment ta’ l-Indafa Pubblika ħa azzjoni fuq iktar minn 20,000 telefonata li rċieva sa l-aħħar ta’ Novembru, sabiex jinġabar skart goff mid-djar. Madankollu l-Ministru Zammit irrimarka li, minkejja li jeżisti dan is-servizz ta’ ġbir mingħajr ħlas, fl-aħħar sitt xhur kien hemm ’l fuq minn 350 ilment ta’ skart li ntrema b’mod illegali.
Il-Ministru George Pullicino qal li din il-kampanja ta’ tindif turina wkoll il-problema li teżisti bir-rimi ta’ skart b’mod illegali u bl-addoċċ. Minbarra li jkompli għaddej bi programm ta’ tindif, fil-bidu tas-sena d-dieħla se jidħlu fis-seħħ miżuri aktar ħorox għal min jinqabad iħammeġ.
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino qal li kampanja bħal din titfa’ dawl fuq il-problema li jiffaċċja pajjiżna biex jimmaniġġja l-iskart. Hu qal li fil-budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern kważi rdoppja n-nefqa għall-immaniġġjar ta’ l-iskart, li minn madwar Lm4 miljuni issa telgħet għal Lm7.4 miljuni. Dan minbarra fondi oħrajn li se tagħtina l-Unjoni Ewropea għall-proġetti kapitali bħalma hu l-proġett ta’ kontroll ta’ gassijiet li ħerġin mill-miżbliet, iż-żieda fil-bring in sites u t-twaqqif ta’ civic amenity sites.
Finalment iż-żewġ Ministri appellaw lil kulħadd biex kull wieħed u waħda minnha jibda japprezza li l-ambjent hu r-responsabbiltà tagħna lkoll. Il-Gvern se jibqa’ jaħdem bis-sħiħ sabiex iħares l-ambjent. Huma faħħru lil kull min ta sehemhu f’din il-kampanja sabiex nassiguraw ambjent aħjar għal ġenerazzjonijiet futuri.
Clean up localities pr1863a xls
DOI – 03.12.2004
13.09 Kbytes Last Modified on 03rd December, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946