DISKORS TA’ L-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI, FL-OKKAŻJONI TAL-PREŻENTAZZJONI TA’ L-ISTUDJU “DAK LI JOLQOT L-AKTAR ’L PERSUNI B’DIŻABILITA’ U L-FAMILJI TAGĦHOM” - SLIEMA - 3 TA’ DIĊEMBRU 2004
Din l-isħubija bejn il-Kumissjoni Nazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità u l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika rriżultat f’dan l-istudju xjentifiku li jagħtina bażi importanti fuq x’hiex nimxu ’l quddiem. Permezz ta’ din ir-riċerka li tħares b’mod oġġettiv lejn is-sitwazzjoni attwali tal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, il-qasam tad-diżabilità qed jiġi studjat fuq l-istess livell li jiġu studjati oqsma oħra t’importanza.
Din ir-riċerka hija wkoll importanti għax tħares lejn xejn inqas minn tmien dimensjonijiet essenzjali li jinkludu d-dħul finanzjarju, il-ħajja familjari, l-edukazzjoni, ix-xogħol, is-saħħa, l-aċċess għall-informatika, l-inklużjoni soċjali u l-aċċess għal diversi servizzi li jipprovdi l-Gvern. Wieħed jista’ b’faċilità jqabbel ir-riżultati ta’ dan is-servej ma’ statistika li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppublika f’servejs oħra fuq bażi nazzjonali. B’dan il-mod, fil-proċess tal-formulazzjoni tal-politika għal dan is-settur, jistgħu jiġu ffisati benchmarks u miri f’dan il-qasam.
Dan l-istudju rnexxielu wkoll ilaqqa’ il-perċezzjoni u x-xewqat tal-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom mal-fatti oġġettivi. Dan il-metodu jagħtina stampa aktar ċara biex filwaqt li napprezzaw dak li ksibna diġà, jkollna ħjiel tad-direzzjoni li rridu nkomplu mexxjin fiha.
Meta tqis minn fejn tlaqna u fejn wasalna, wieħed żgur għandu għalfejn ikun sodisfatt. Dan kien żgur grazzi għax-xogħol ta’ diversi individwi u organizzazzjonijiet, u kif ukoll għall-introduzzjoni tal-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità).
Meta tħares lejn dak li għandu x’jaqsam mal-persuni b’diżabilità żgħażagħ tara li minn ras għal ras, jidher li dawn iż-żgħażagħ qiegħdin jibqgħu żmien itwal f’xi istituzzjoni edukattiva u qed ikollhom aċċess akbar għat-teknoloġija tal-informatika. Dan żgur li jawgura tajjeb ħafna għal futur.
Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawk intervistati esprimew ruħhom sodisfatti għas-servizz li qed jiċievu mis-settur pubbliku. Dan jinkludi s-servizz tas-saħħa, is-servizzi soċjali, inkluż is-servizzi speċjalizzati għal persuni b’diżabilità, u l-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità nnifisha.
Fatt ieħor pożittiv huwa dak li kienu biss ftit aktar minn 4% ta’ dawk intervistati li qalu li jgħixu f’xi istituzzjoni residenzjali. Dan ifisser li, grazzi għall-appoġġ li għadha tagħti l-familja Maltija u s-servizzi li qed tipprovdi l-bqija tas-soċjetà u l-istat, il-maġġoranza assoluta tal-persuni b’diżabilità għadhom jgħixu fil-komunità.
Minkejja dawn il-fatti li għadni kif semmejt, l-istudju jippreżentalna ċerti sfidi li tajjeb li nindirizzaw fil-futur.
L-istudju jissuġerixxi bidla fil-mod ta’ kif għandhom jingħataw ċerti servizzi soċjali lil persuni b’diżabilità. Numru ta’ nies li ġew intervistati, l-aktar dawk żgħażagħ, jgħidu li jixtiequ li jkollhom aktar għażla x’tip ta’ servizzi jixtru. Din l-espressjoni fiha nnifisha hija turija ta’ kemm il-persuni b’diżabilità qiegħdin jsiru aktar konxji tad-drittijiet tagħhom u kif huma nnifishom qiegħdin dejjem aktar jiddeċiedu x’għandu jkollu prijorità kemm fil-ħajja personali tagħhom u kif ukoll fis-settur tad-diżabilità in ġenerali.
Sfortunatament, dan jikkuntrasta b’mod qawwi mal-fatt li 15% biss irrapurtaw li huma membri ta’ xi għaqda mhux governattiva li taħdem fil-qasam tad-diżabilità. Kif kulħadd jaf il-parteċipazzjoni f’għaqdiet bħal dawn hija essenzjali sabiex wieħed iwwassal il-vuċi tiegħu u għalhekk jien personalment nixtieq inħeġġeġ aktar persuni b’diżabilità sabiex jipparteċipaw b’mod attiv f’dawn l-għaqdiet.
Ħaġa oħra li laqtitni kienet dik li, b’mod ġenerali, in-nisa b’diżabilità jidher li qed igawdu ħajja ta’ kwalità inqas minn l-irġiel. Kien għalhekk li, fil-Pjan Nazzjonali Favur l-Inklużjoni Soċjali, ħafna mill-miri huma marbuta mat-titjib tal-qagħda tal-mara irrispettivament jekk hix b’diżabiltà jew le. L-għan wara dawn il-miri hu li nassiguraw li jkollna soċjetà aktar inklussiva fejn il-valur tal-persuna jitqies mhux a bażi tas-sess jew l-abilità iżda fuq id-dinjità tal-persuna umana.
Nixtieq hawnhekk nirringrazzja lill-Kummissjoni Persuni b’Diżabilità u l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika għal dan l-istudju siewi li qed jippreżentawlna. Fuq kollox nirringrazzja lil dawk kollha li ipparteċipaw f’din ir-riċerka. Il-kontribut tagħkom żgur għen biex il-vuċi tagħkom, u ta’ oħrajn bħalkom, tasal biex tħalli l-frott mixtieq.
DOI – 03.12.2004
10.29 Kbytes Last Modified on 03rd December, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946