IĊ-ĊELEBRAZZJONIJIET TAD-DĦUL TA’ MALTA FL-UNJONI EWROPEA: IL-FATTI
Fid-diskors tiegħu b’risposta għall-Budget il-bieraħ, Dr. Alfred Sant għamel numru t’allegazzjonijiet intenzjonati biex iqajjem dubji dwar il-proċess li wassal għall-għoti tat-tender dwar iċ-ċelebrazzjonijiet għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dawn l-allegazzjonijiet huma mimlijin żbalji u intenzjonati biss biex joskuraw lill-Ministru Jesmond Mugliett li fiż-żmien tal-ħruġ tat-tender kien il-Ministru responsabbli mill-kultura.
Dr. Sant ibbaża l-kummenti tiegħu fuq ittra li kienet sottomessa bħala parti mit-tender rebbieħ. Din l-ittra kienet iffirmata minn Stephan Reichenberger, CEO ta’ kumpannija li kienet qed tipproduċi l-programm li kien ser jixxandar mill-European Broadcasting Union (EBU) matul dak il-lejl.
L-ewwel żball ta’ Dr. Alfred Sant kien meta allega li kien il-Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura li iddeċieda lil min kellu jingħata it-tender. Dan hu għal kollox skorrett. L-aġġudikazzjoni tat-tender fil-fatt għaddiet minn tliet stadji:
1. saret minn Kumitat ta’Aġġudikazzjoni magħmul minn rappreżentanti għall-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, il-Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura, il-Ministeru għall-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi, il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u l-Awtorità tat-Turiżmu;
2. ġiet ikkonfermata mill-Kumitat tal-Kuntratti tal-Ministeru tal-Finanzi u;
3. ġiet rikonfermata wara li tressaq appell quddiem l-istess Kumitat tal-Kuntratti, liema smigħ ta’ l-appell sar fil-pubbliku u kien rappurtat estensivament fil-mezzi tax-xandir.
Għal Dr. Sant, dan il-proċess kien nieqes mit-trasparenza.
Dan it-tender kien ħareġ direttament mill-Ministeru minħabba li ż-żmien kien qiegħed jagħfas u ċelebrazzjonijiet fuq din l-iskala jeħtieġu xhur ta’ tħejjijiet.
Għalhekk minbarra kif normalment isir f’tenders simili li joħorġu mid-Dipartiment tal-Kuntratti li jkunu ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern, il-Ministeru ħa ħsieb ukoll biex jippubblika avviż tat-tender fil-gazzetti lokali.
It-tenders li ntefgħu infetħu fil-pubbliku fil-preżenza ta’ kull min kien interessat u wara dan, il-proċess mexa b’mod normali kif jimxu t-tenders kollha. Tant hu hekk li r-Rapport tal-Bord t’Aġġudikazzjoni ntbagħat lill-Kumitat tal-Kuntratti biex il-kelma finali tkun ta’ dan il-Kumitat u mhux tal-Ministeru kif intqal.
It-tieni żball ta’ Dr. Alfred Sant kien meta allega li l-kuntratt għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet is-sħubija fl-Unjoni Ewropea kien ingħata lill-kumpannija Where’s Everybody?. Fil-fatt il-kuntratt ingħata lil konsorzju Welcome Europe li kien magħmul minn NNG Promotions, Sign It, Where’s Everybody? u Nexos Lighting.
It-tielet żball ta’ Dr. Alfred Sant kien meta allega li Reichenberger, bl-ittra tiegħu, kien qed joffri l-ispettaklu ta’ dwal ta’ Gert Hof b’mużika ta’ Roger Waters direttament lill-Gvern Malti. Kieku Dr. Sant qara l-ittra, kien jinduna li Reichenberger kien qed jikteb fil-kapaċità tiegħu ta’ programme producer tal-programm televiżiv ta’ l-EBU u mhux biex joffri s-servizzi ta’ Gert Hof u Roger Waters.
L-ittra ta’ Stephan Reichenberger kienet tgħid biss li bħala producer tal-programm televiżiv kien iddeċieda li jinkludi l-ispettaklu ta’ Gert Hof u Roger Waters fid-draft tal-programm tiegħu jekk il-Gvern Malti jagħżel dan l-ispettaklu għaċ-ċelebrazzjonijiet tiegħu. Id-deciżjoni li l-Malta Light Monument issir tagħmel parti mid-draft tal-programm televiżiv ta’ l-EBU kienet ta’ Reichenberger stess.
Ir-raba’ żball ta’ Dr. Alfred Sant kien meta allega li l-ittra ta’ Reichenberger mibgħuta lill-Ministru spiċċat fit-tender document ta’ Welcome Europe.
Li għoġbu ma jsemmix Dr. Sant kien li t-tender document innifsu kien jitlob li l-ispettaklu fil-Port il-Kbir jingħata coverage internazzjonali bit-televiżjoni. Barra dan, it-tender kien jitlob li kull kompetitur sabiex jagħti prova bil-miktub ta’ rbit minn stazzjonijiet barranin li kienu lesti jxandru parti mill-ispettaklu ta’ Malta. L-ittra ta’ Reichenberger ġiet inkluża fit-tender ta’ Welcome Europe, minn min mela t-tender, propju bħala prova li l-konsorzju seta jissodfa din il-kundizzjoni imsemmija fit-tender document. L-ittra ma kinitx intbgħatet direttament lill-Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura.
Huwa għal kollox stramb kif Dr. Sant iddeċieda li jaqbad ma’ din l-istorja llum. Il-kummenti tiegħu la jippruvaw li kien hemm nuqqas ta’ trasparenza u wisq anqas indħil mill-Ministeru. Il-fatti juru li l-ippjanar għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet saru kif suppost u l-intenzjoni li kellu l-Gvern li jonfoq ammont sostanzjali ta’ flus, basta ċ-ċelebrazzjonijiet ikunu vetrina għal Malta fix-xena internazzjonali ssarfet f’suċċess. Permezz ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, il-pajjiż ħa value for money b’dehriet spettakolari ta’ Malta li xxandru mad-dinja kollha. Jidher li lil Dr. Alfred Sant, dan m’għoġbux.
DOI 02.12.2004
13.39 Kbytes Last Modified on 02nd December, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946