VILLA RUNDLE TIĠI TRASFORMATA FL-EWWEL VILLAĠĠ TAL-MILIED F’GĦAWDEX
Ir-residenti t’Għawdex u dawk li jżuru lill-gżira matul tmiem il-ġimgħa li ġej ser ikollhom attivita’ differenti x’jattendu. Dan għaliex il-ġonna ta’ Villa Rundle, fin-naħa t’isfel ta’ Triq ir-Repubblika, Victoria ser jinbidlu f’Villaġġ tal-Milied, l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu għal Għawdex.
It-tfal li jżuru l-Villaġġ ser ikunu jistgħu jilgħabu madwar il-ġonna fil-liberta’, waqt li l-ġenituri tagħhom ikunu jistgħu jaraw x’joffru l-istalls differenti, filwaqt li x-xirja li jagħmlu ta’ oġġetti tal-Milied tissarraf f’għajnuna filantropika. Il-Villaġġ ser jiġi mwaqqaf fin-naħa t’isfel tal-ġonna ta’ Villa Rundle, fil-parti l-eqreb ta’ Triq ir-Repubblika. Kull stall hija abbinata ma’ għaqda volontarja li toffri servizzi ta’ natura soċjali fil-gżira t’Għawdex. Kull min jixtri oġġetti tal-Milied mill-Villaġġ tal-Milied għalhekk, ikun qiegħed jikkontribwixxi b’mod indirett sabiex dawn l-għaqdiet ikunu jistgħu joperaw aħjar.
L-oġġetti li jistgħu jiġu akkwistati mill-Villaġġ tal-Milied jinkludu ikel, xorb, ħelu, dekorazzjonijiet tal-Milied, pjanti u fjuri, u oġġetti tradizzjonali bħall-pasturi. Matul il-ġranet differenti ser jiġi offrut divertiment mill-preżenza ta’ Father Christmas, il-wiri ta’ diversi videos relatati mal-Milied, qari ta’ stejjer u rokna tal-presepju. Kantanti lokali, fosthom korijiet u kantanti ndividwali, flimkien ma’ l-Iskola tad-Drama, l-Iskola tal-Mużika u ċ-Ċentru t’Għawdex ta’ l-Arti u s-Snajja’ ukoll ser jikkontribwixxu sabiex il-ġonna fil-qalba tal-Belt Victoria jiġu ttrasformati f’dinja differenti.
Il-Villaġġ tal-Milied qed jiġi organizzat mill-Kumitat Organizzativ (Kultura) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. L-attivita’ ta’ din is-sena tespandi fuq dik li organizza l-istess kumitat matul dawn l-aħħar erba’ snin, fejn numru ta’ stalls li jbiegħu oġġetti marbuta mal-Milied kienu jiġu mwaqqfa fi Pjazza Indipendenza. Din hija l-ewwel darba li l-attivita’ qed tikkontribwixxi għall-bżonnijiet ta’ għaqdiet mhux governattivi.
Il-Villaġġ tal-Milied ser ikun miftuħ bejn is-Sibt 4 u l-Erbgħa 8 ta’ Diċembru. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mid-9.00a.m sa nofsinhar u mill-5.00pm sat-8.00pm (tmiem il-ġimgħa), mill-5.00pm sat-8.00pm (it-Tnejn u t-Tlieta) u mid-9.00am sas-1.00pm (l-Erbgħa). Id-dħul fil-ġonna ta’ Villa Rundle huwa b’xejn.
Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja lit-Taqsima tal-Kultura fuq numru tat-telefon 21556125 (ħinijiet t’uffiċċju) jew jibgħat email lil kevin.sciberras@gov.mt
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946