TWEĠIBA LILL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI DWAR L-INĠINIER EMMANUEL FARRUGIA
L-ingaġġ tas-servizzi ta’ l-Inġinier Emmanuel Farrugia, għal żmien definit, bħala konsulent mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) kien għal kollox regolari u sar bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.
Isem l-Inginier Farrugia ma kienx inkluż fil-lista ta’ impjegati ta’ l-FTS fit-tweġiba lill-Onor. Carmelo Abela għas-sempliċi fatt li l-Inġinier Farrugia temm is-servizzi tiegħu ma’ l-FTS fil-31 ta’ Awwissu, 2004, xahrejn qabel ma saru l-Mistoqsijiet Parlamentari numru 8079 u 8615.
Fid-diskors tiegħu dwar il-Budget, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr Alfred Sant ipprova jinsinwa xi irregolarità fl-ingaġġ u fil-ħlas għas-servizzi ta’ l-Inġinier Emmanuel Farrugia lill-FTS.
Kif digà l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni kellu l-opportunità jispjega f’ittra ta’ l- 20 ta’ Novembru, 2003, ppubblikata fil-ġurnal KULL ĦADD, il-fatti huma li l-Inġinier Farrugia, normalment residenti fi Franza, ġie mitlub jagħti s-servizzi tiegħu fil-qasam ta’ l-inġinerija mekkanika u elettrika u bħala Capital Project Director mal-FTS għal żmien definit fuq il-bini ta’ l-iskola l-ġdida tal-Karwija. Huwa ta s-servizzi tiegħu għal perjodu ta’ sena bejn l-1 ta’ Settembru, 2003, u l-31 ta’ Awwissu, 2004.
Ir-rata ta’ ħlas tiegħu hija dik normali għal konsulenti li jgħixu barra minn Malta. Sew l-ingaġġ tiegħu kif ukoll ir-rata ta’ ħlas ġew stabbiliti bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi li għandu r-rappreżentant tiegħu fuq il-Bord tal-FTS.
L-ittra taċ-Chairman tal-FTS, is-Sur Ray Fenech, datata 15 ta’ Gunju 2004, lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, hija xhieda tal-mod regolari u normali li bih ġiet ittrattata din il-materja. Il-Ministeru tal-Finanzi kien approva dan l-ingaġġ u r-rati dovuti qabel ma fil-fatt sar l-ingaġġ tas-servizzi ta’ l-Inġinier Farrugia. Infatti l-Inġinier Farrugia tħallas sena wara li kien ilu jagħti s-servizzi tiegħu, u biss wara li kien hemm l-approvazzjoni meħtiega tal-Finanzi. Għalkemm l-approvazzjoni ngħatat għal kuntratt ta’ sena li seta` jiġġedded għal tliet snin, l-FTS u l-Inġinier Farrugia qablu li ma jġeddux il-kuntratt wara l-ewwel sena.
Dan kollu juri wkoll kemm hu qarrieqi t-titolu tar-rapport fuq din il-kwestjoni f’ ‘l-Orizzont’ tal-lum li jgħid “Fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, LM 108,000 għal Inginier b’parentela mal-Ministru Galea”. ‘L-Orizzont’ qed jikkalkula l-ħlas fuq tliet snin meta fil-fatt, kif spjegat qabel, l-Inġinier Farrugia ħadem u tħallas ta’ sena waħda biss.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni prova jħawwar l-istorja billi insinwa li l-Inġinier Farrugia għandu xi parentela mal-Ministru Louis Galea. Il-fatti huma li l-Inġinier Farrugia huwa l-iben tat-tifla tat-tieni mara tan-nannu ta’ missier il-mara ta’ Louis Galea.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni fakkar ukoll li l-Inġinier Farrugia kien ħadem fuq l-ewwel fażi ta’ l-isptar il-ġdid fl-ewwel sentejn tal-proġett aktar minn għaxar snin ilu u allega illi kellu xi konflitt ta’ interess. Sew il-Gvern kif ukoll il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għandhom dossier dokumentat u ġuramentat li juri l-integrità u l-professjonalità ta’ l-Inginier Farrugia. Barra minn hekk l-Inġinier Farrugia qed ifittex għad-danni ta’ inġurja lill-ġurnal ta’ l-Oppożizzjoni Laburista li qabel l-aħħar elezzjoni ppublika reklam tal-Partit li rrepeta din l-allegazzjoni.
Tajjeb wieħed ifakkar li Perit impjegat bħala uffiċjal pubbliku mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni għandu pakkett ta’ rimunerazzjoni li jammonta għal kważi LM16,500. Id-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni, taħt amministrazzjonijiet differenti, ħallset lil konsulenti ammonti akbar milli l-FTS ħallset lill-Inġinier Farrugia għal servizzi simili. Bħala fatt il-Periti impjegati fuq kuntratt definit mal-FTS għandhom pakkett li hu anqas mill-pakkett li jgawdu senior architects mal-Gvern.
L-Oppożizzjoni ilha tfixkel il-proġett tal-Gvern għall-bini u immodernizzar ta’ l-iskejjel sa mill-bidu tiegħu. Minkejja t-tfixkil u d-diffikultajiet kollha, diversi proġetti li wettqet s’issa l-FTS juru li:
| a) | hi organizzazzjoni li kapaċi twettaq il-proġett ta’ investiment tal-Gvern fl-iskejjel tiegħu; |
| b) | li kapaci tagħmel dan b’mod effettiv u li tagħti valur għall-flus minfuqa; u |
| c) | li l-bini u l-immodernizzar qed isir skond il-budget u l-ispeċifikazzjonijiet, f’inqas żmien u b’nefqa anqas milli kien isir sa issa. Minkejja dan il-progress il-Ministeru u l-Bord ta’ l-FTS għadhom qed jissikkaw biex l-FTS tkompli ttejjeb l-effiċjenza tagħha. |
Fost il-proposti għar-riġenerazzjoni ta’ l-ekonomija ta’ Malta, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni qed jipproponi li titqaċċat l-FTS. Dan facli ħafna jsir. Iżda jkun ifisser li jieqaf il-proġett ta’ fejda ta’ bini u mmodernizzar ta’ l-iskejjel kollha tal-Gvern f’Malta u f’Għawdex.
DOI – 02.12.2004
10.01 Kbytes Last Modified on 02nd December, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946