RESTAWR TAL-GALLARIJA TAL-PALAZZ PRESIDENZJALI, VALLETTA
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ghaddej b’ħidma ntensiva fuq diversi proġetti ta’ restawr fuq bini storiku u mportanti fil-gżejjer Maltin. Progġett ewlieni fost dawn huwa r-restawr li għaddej fuq il-gallarija tal-Palazz Presidenzjali fil-belt Valletta.
Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Perit Ninu Zammit waqt żjara li għamel quddiem il-Palazz fejn ra x-xogħlijiet li saru fit-tielet fażi tar-restawr ta’ din il-gallarija fuq il-faċċata prinċipali tal-Palazz.
Il-parti l-kbira tal-gallarija ta’ l-injam kienet żdiedet mal-faċċata tal-Palazz fi żmien l-Inglizi. Il-gallarija oriġinali li tinsab fi Triq l-Arcisqof għandha is-saljaturi tal-ġebel filwaqt li s-saljaturi li żiedu l-Ingliżi għandhom qafas tal-ħadid bid-dekorazzjoni mibnija bil-ġibs fuq il-qasab.
Il-Ministru Zammit spjega li f’din it-tielet fażi sar xogħol fuq parti kbira mill-gallarija li tagħti fuq Misraħ San Ġorġ. Bħal fiż-żewg fażijiet preċedenti, ix-xogħol l-iktar delikat f’din il-fażi kien fuq is-saljaturi tal-ġibs. Dawn kellhom ħsara kbira kkawżata minn dħul ta’ ilma li mermer ħafna mid-dekorazzjoni tagħhom. F’xi uħud, il-ħsara kienet tant avvanzata li dawn is-saljaturi kienu ukoll f’periklu li jistgħu jaqgħu.
Għaldaqstant, ix-xogħol li sar kien wieħed speċjalizzat li kien jikkonsisti f’tindif u konsolidament tal-partijiet li kienu ddgħajfu. Filwaqt li fejn kien possibli giet miżmuma l-istruttura eżistenti tal-qasab u ġibs, f’uħud mis-saljaturi, id-deterjorazzjoni kienet tant avvanzata li kellu jinbena mill-ġdid il-qafas tad-dekorazzjoni u l-istess dekorazzjoni. Ix-xogħol sar kollu mit-Taqsima tar-Restawr. Sar ukoll xogħol ta’ tiswija u ta’ żebgħa fuq il-gallarija ta’ l-injam innifisha, billi din ukoll kien ilu ma jsir xogħol fuqha għal diversi snin. Dan ix-xogħol fuq l-injam sar minn mastrudaxxi tad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi. L-aħħar fazi ta’ dan il-proġett, li se tkun ir-restawr tal-gallarija fil-kantuniera tal-Palazz, se tinbeda fil-bidu tal-2005.
Il-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura semma wkoll li matul is-sena saru diversi xogħlijiet oħra fil-Palazz, fosthom bdil ta’ saqaf perikoluż, ristrutturar fl-Uffiċċju tal-President, u bdil tas-sistema ta’ membrane fuq il-bjut tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Dan ix-xoghol sar mill-haddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Matul din is-sena twettqu diversi proġetti ta’ restawr f’diversi lokalitajiet oħra ġewwa Malta, kemm fuq talba ta’ diversi Kunsilli Lokali, kif ukoll fuq inizjattiva diretta tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Fil-preżent, għaddej xogħol fuq il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ċwerra fis-Siggiewi, fuq l-Akwadotti ta’ Wignacourt, fuq il-Knisja ta’ Sarria fil-Furjana u fuq bini storiku ġewwa l-ġnien ta’ l-Argotti fost l-oħrajn.
Il-Ministru Zammit stqarr li fil-bidu tal-2005 għandhom jinbdew ukoll proġetti oħra ta’ restawr. Fost dawn insibu dawk fil-Kappella ta’ San Ġakbu ġewwa Ħal-Luqa u n-niċċa ta’ San Ġuzepp ġewwa Ħal-Lija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946