ĦADDIEM TAS-SENA 2004
Waqt serata li ttellgħet apposta f’Dar il-Mediterran ġie mħabbar ir-rebbieħ tal-Premju Ħaddiem tas-Sena 2004. Is-Sinjura Nora Macelli hi r-rebbieħa tas-Sbatax-il edizzjoni tal-Premju li hu maħsub biex jipprema ħaddiema eżemplari għax-xogħol li jwettqu ta’ kuljum.
Nora Macelli tokkupa l-post ta’ Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES). Fil-fatt hija waqqfet din il-Fondazzjoni fl-2001. Fuq ix-xogħol il-bieb tagħha huwa miftuħ għal kulħadd. Hija turi l-apprezzament tagħha għall-abbilità personali u professjonali ta’ kull min jaħdem magħha. Qatt ma xxekkel il-ħidma ta’ sħabha l-impjegati u tibni fuq it-tajjeb tagħhom filwaqt li tifhem in-nuqqasijiet tagħhom. Hija taqsam l-ideat tagħha u ssaħħaħ l-ideat ta’ l-oħrajn. Tittratta lil kulħadd bl-istess mod.
Is-Sinjura Macelli hija mpenjata fix-xogħol tagħha, onesta, u integra fix-xogħol u fil-mod kif tittratta ma’ l-oħrajn. Hija kkunsidrata bħala bniedma umli. Ħafna huma dawk l-impjegati l-oħra li, fil-kwiet, isibu appoġġ konkret minnha meta jiltaqgħu mad-diffikultajiet fil-ħajja. Din l-attitudni twassal biex jitkattar is-sens ta’ solidarjetà fost l-impjegati kollha.
Macelli hi persuna b’riżorsi kbar u għandha karatteristiċi umani u professjonali. Dawn huma evidenti fid-dinamiċi interni ta’ l-organizzazzjoni fejn taħdem. Hija timpenja ruħha biex tibni relazzjonijiet umani, ġenwini kif ukoll relazzjonijiet leali ma’ kull min ikollu x’jaqsam ma’ l-organizzazzjoni li tmexxi, u b’hekk toħloq trasparenza u professjonalità fil-ħidmiet tal-Fondazzjoni.
Ix-xogħol ta’ Nora Macelli hu estensjoni ta’ l-impenn soċjali u professjonali matul ħajjitha b’risq min hu imwarrab u dgħajjef fis-soċjetà. Dan l-impenn soċjali jidher fil-mod kif Nora Macelli tagħti orjentazzjoni ċara lill-Fondazzjoni biex il-programmi tal-Fondazzjoni jilħqu l-familji li l-aktar għandhom bżonn għajnuna minkejja l-impenji tagħha dejjem tassigura li żżomm kuntatt dirett ma’ l-istudenti u l-ġenituri kif ukoll ma’ kollegi tagħha impenjati fil-qasam ta’ l-edukazzjoni.
Mix-xogħol tagħha joħroġ is-sens ta’ krejattività li jwassal biex Nora żżomm il-Fondazzjoni fuq quddiem f’issues innovattivi kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.
Waqt is-serata saru messaġġi mill-President ta’ Malta, l-E.T. Dr. Edward Fenech Adami, il-Prim Ministru Dr. Lawrence Gonzi u mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Żgħażagħ u Xogħol Dr. Louis Galea. Il-Premju ngħata lis-Sinjura Macelli mill-E.T. Dr. Fenech Adami, filwaqt li s-sbatax-il nominat ingħataw tifkira ta’ l-okkażjoni.
Il-persuni l-oħra li ġew nominati huma: is-Sur Frans Borg, Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol; Mro. John Borg, Forzi Armati ta’ Malta; is-Sur Paul Camilleri, Kulleġġ Santu Wistin; is-Sur Anthony Caruana, Corinthia Palace Hotel Co. Ltd.; is-Sur Anthony Caruana, Uffiċċju tal-Prim Ministru; is-Sur Vincent Cassar, Ministeru ta’ l-Iżvilupp Urban u Toroq; is-Sur Charles Debono, Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili; is-Sur Max Farrugia, Korporazzjoni Enemalta; is-Sur John Gauci, Airmalta; is-Sur Carmel Magro, Korp tal-Pulizija; is-Sur Paul Miruzzi, Qrati tal-Ġustizzja; is-Sur Lorrie Saliba, Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ Ilma; is-Sur Arthur Sammut, Università ta’ Malta; is-Sur Mario Spiteri, Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa; is-Sin. Denise Vella, Toly Products Ltd.; is-Sin. Mary Anne Vella, Sptar Karen Grech.
Il-Premju Ħaddiem tas-Sena beda jingħata sa mill-1988 b’inizjattiva tal-Ministru Louis Galea li dak iż-żmien kien Ministru tal-Politika Socjali. Ir-rebbieħa kollha tal-Premju s’issa kienu s-Sur Martin Grasso (1988), Dr Maria Sciberras M.D. (1989), is-Sur Richard Farrugia (1990), is-Sinj. Mary Vella (1991), is-Sinj. Rita Agius (1992), is-Sur Frans H.Said (1993), is-Sur Francis Cachia (1994), is-Sur Mario Sammut (1995), is-Sur Joe Sammut (1996), is-Sinj. Louisette Pace (1997), is-Sur Joseph Caruana (1998), is-Sur Anthony Bugeja (1999), is-Sur Joe Caruana (2000), is-Sur Alessio Camilleri (2001), is-Sur Edward Borg (2002) u s-Sur George Borg (2003).
DOI 29.11.2004
9.14 Kbytes Last Modified on 29th November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946