Left arrow Mur Lura

L-IMPATT TAL-PREZZ TAŻ-ŻEJT FUQ L-PREZZ TA’ L-ELETTRIKU

PR1837
Date Icon 26/11/2004

Il-Gvern u l-Korporazzjoni Enemalta se jkunu qed jerfgħu Lm 10 miljun lira mill-impatt taż-żieda tal-prezz taż-żejt.  Il-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, Dr. Austin Gatt qal dan meta kien qed jindirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet dwar l-impatt tal-prezz taż-żejt fuq il-prezz ta’ l-elettriku.  

Matul il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru Austin Gatt spjega fid-dettal il-ħsieb u l-mod li bih il-Gvern wasal għal fuel surcharge temporanja li ser jibda jkun hemm fuq il-kontijiet tad-dawl u ta’ l-ilma.  

Waqt il-preżentazzjoni li għamel, ġie spjegat li r-rati ta’ l-elettriku għall-industrija u għall-użu domestiku huma fost l-irħas fl-Ewropa. Huwa spejga, li filwaqt li fl-Ewropa iktar ma tikkonsma, inqas hija r-rata li biha persuna tħallas, f’Malta napplikaw sistema ta’ base rate waħda, skond il-kategorija tal-konsumatur - Eż: domestiku, industrijali jew kummerċjali. Il-Ministru Austin Gatt fakkar li l-aħħar darba li kien hemm reviżjoni tat-tariffi kien fl-1999. Minn dak in-nhar kien hemm l-introduzzjoni tal-VAT fuq dan is-servizz, liema VAT qed tiġi assorbita mill-Enemalta, kif ukoll iż-żieda fil-prezzijiet taż-żjut, li kellha impatt finanzjarju fuq il-Korporazzjoni Enemalta.  

Il-Ministru Austin Gatt semma kif fl-1999, l-ispiża tal-fuel għall-Enemalta kienet ta’ Lm 18.7 miljun, huwa stmat li s-sena d-dieħla din titla għal Lm 47.7 miljun. L-awdituri tal-Korporazzjoni saħqu li l-baseline fuel cost tal-Korporazzjoni, li fuqu m’għandu jkun hemm ebda surcharge huwa ta’ Lm 31.6 miljun.  

Il-Ministru Gatt qal li l-Gvern mhux ser jgħaddi l-ineffiċjenzi tal-Korporazzjoni fuq il-konsumatur. Apparti minn hekk, lanqas l-investiment kapitali ta’ Lm 9 miljun, meħtieġ biex intejbu l-ġenerazzjoni ta’ elettriku, m’hu ser jiġi mgħoddi fuq il-konsumatur. L-Enemalta se tassorbi 52% taż-żieda fl-ispiża taż-żjut għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku. Minbarra dan, il-Gvern ddeċieda li ma jkun hemm ebda fuel surcharge fuq il-każijiet soċjali u li ma jkunx hemm fuel surcharge fuq il-kera tal-meter.  

Il-Ministru Gatt fakkar fid-deċiżjoni tal-Gvern li jassorbi hu, kull żieda fil-prezz taż-żejt li kien hemm għas-sena 2004, filwaqt li ser jibqa’ jassorbi l-VAT għall-klijenti domestiċi.  

Għaldaqstant id-deċiżjoni oħra importanti li ttieħdet hija li, filwaqt li t-tariffi se jibqgħu kif inhuma, il-Gvern wara diskussjoni ma’ l-imsieħba soċjali fl-MCESD, ġie deċiz li jkun hemm fuel surcharge temporanja fuq parti biss mill-ispiża li għandu l-Gvern  minħabba ż-żieda fil-prezz taż-żejt.  

Fil-fatt, il-fuel surcharge temporanja ser tkun qed issir biex tkopri 48% taż-żieda fil-prezz taż-żejt. Huwa fakkar ukoll fid-deċiżjoni li ttieħdet: dik li l-Gvern jagħmel capping fuq is-surcharge għall-industrija u l-lukandi. Il-Ministru Austin Gatt spjega l-impatt tas-surcharge fuq il-kontijiet domestiċi. Huwa fisser li, min iħallas kont ta’:           

            Lm 4.31 fix-xahar ser iħallas fuel surcharge ta’ 39c fix-xahar

            Lm 7.78 fix-xahar ser iħallas fuel surcharge ta’ 98c fix-xahar

            Lm 10.09 fix-xahar ser iħallas fuel surcharge ta’ Lm 1.38c fix-xahar

            Lm 13.56 fix-xahar ser iħallas fuel surcharge ta’ Lm 1.96 fix-xahar

            Lm 25.11 fix-xahar ser iħallas fuel surcharge ta’ Lm 3.93 fix-xahar  

Fis-settur kummerċjali, il-kontijiet ser jiżdiedu temporanjament bi 17-il ċenteżmu kuljum. Fis-settur tal-lukandi, iż-żieda medja ser tkun ta’ Lm 2.85c kuljum. Huwa fakkar li 31 lukanda ser jibbenefikaw mid-deċiżjoni tal-capping. Fil-kategorija industrijali, il-kontijiet ser jiżdiedu temporanjament b’medja ta’ Lm 5.53c kuljum.  

Il-Ministru Gatt semma wkoll li l-Gvern ser ikompli jara li kulħadd iħallas il-kont fiż-żminijiet stipulati skond il-liġi. Dan għandu jwassal biex inaqqas il-piż tal-Water Services Corporation u tal-Korporazzjoni Enemalta, fil-ħlas ta’ l-interessi.  Azzjoni oħra ser tittieħed fil-konfront ta’ min jisraq l-elettriku, fejn il-Korporazzjoni ser issaħħaħ il-ġlieda tagħha f’dan ir-rigward.  Deċiżjoni oħra li semma l-Ministru Gatt hija t-twaqqif ta’ Fuel Procurement Advisory Committee li jkun jinkludi ekonomisti, esperti fis-settur kif ukoll rappreżentanti tal-Bank Ċentrali, bl-iskop li jingħataw pariri dwar l-istrateġija li l-Korporazzjoni Enemalta trid taddotta biex tixtri ż-żjut.  

Il-Minsitru Gatt tkellem ukoll dwar il-fatt li l-Gvern din is-sena se jerfa’ wkoll il-piż ta’ Lm 1.8 miljun li hi attribwita għaż-żieda fil-prezz internazzjonali tal-gass. B’hekk il-prezz taċ-ċilindri tal-gass mhux ser jintmess.  

pr1837a pdf

DOI - 26.11.2004

12.11 Kbytes Last Modified on 26th November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow