PREMJU ĦADDIEM TAS-SENA 2004
Kif kien imħabbar aktar kmieni din is-sena, il-Premju Ħaddiem tas-Sena 2004 se jingħata waqt serata nhar il-Ħadd li ġej f’Dar il-Mediterran. Din is-sena ġew innominati sbatax-il persuna li ġejjin minn oqsma differenti tas-settur pubbliku u privat. Dan ħabbru l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi waqt konferenza stampa li għaliha kienu wkoll preżenti l-isponsors tal-Premju Ħaddiem tas-Sena.
Il-Ministru Louis Galea rringrazzja b’mod partikolari lill-HSBC u lill-Maltacom għall-għajnuna tagħhom biex is-serata tal-Premju Ħaddiem tas-Sena tkun possibbli. Il-Ministru rringrazzja wkoll lill-ETC, Farsons, McDonalds, Corinthia Group, u lill-Showmix li ukoll offrew l-għajnuna tagħhom. Hu tenna li hu tajjeb li l-Gvern u l-Privat jaħdmu flimkien biex isir dan ir-rikonoxximent tax-xogħol u l-ħidma ta’ Maltin eżemplari.
Il-Ministru Galea ħabbar ukoll it-tema magħżula għal din is-sena li hi “Il-Ħaddiem fi żmien ta' bidla”. Hu qal li m'hemm l-ebda dubju li ż-żminijiet li qed ngħixu fihom qed jippreżentaw numru ta' sfidi lill-ħaddiem u lill-qasam tax-xogħol b'mod ġenerali. Hu qal li madankollu dawn m’humiex sfidi li għandhom jaqtgħu qalb il-ħaddiem, li jġiegħluh iċedi, li jbeżżgħuh. Anzi, tenna l-Ministru, huma sfidi li għandhom iservu bħala xprun biex il-ħaddiem Malti jkun kapaċi jimxi 'l quddiem u jaħtaf l-opportunitajiet li jiġu quddiemu.
“Qed ngħixu żmien fejn il-mezzi tal-komunikazzjoni u l-globalizzazzjoni ċekknu lid-dinja, fejn iżda hemm aktar okkażjonijiet għall-ħaddiem biex jiżviluppa l-ħiliet tiegħu u jaħtaf opportunitajiet ġodda ta' xogħol f'pajjiżu, fl-Ewropa jew fid-dinja. Qed jikbru wkoll l-opportunitajiet biex il-ħaddiem jibqa' jitgħallem. F’dan l-ambjent ta’ bidla qed toħroġ il-ħtiega li biex jintrebaħ ix-xogħol il-qasam jeħtieġ li wieħed ikun aktar kompettivi u anki flessibbli. Trid tixxettel u tissaħħaħ ukoll il-kultura ta’ l-intraprenditorija. Jibqa’ iżda fuq kollox il-ħtiega li l-ħaddiem igawdi l-akbar dinjità u jkollu saħħtu mħarsa fuq il-post tax-xogħol.” temm igħid il-Ministru Galea.
Is-serata tal-għoti tal-Premju Ħaddiem tas-Sena, li għaliha mistennija jattendu l-President ta’ Malta, Dr Edward Fenech Adami, il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi u l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Dr Louis Galea, se tkun tikkonsisti fi spettaklu awdjo-viżiv imħawwar b’animazzjoni, kant live minn diversi kantanti stabbiliti u anki żfin li jdur madwar it-tema prinċipali taċ-ċerimonja. Ikun hemm ukoll informazzjoni viżiva dwar il-ħaddiema nominati għall-premju kif ukoll dwar ir-rebbieħ tas-sena li għaddiet, is-Sur George Borg. Il-qofol tas-serata jintlaħaq bit-tħabbir ta’ min se jkun il-Ħaddiem tas-Sena 2004 mis-Sur Anthony Tabone, ic-Chairman tal-Kumitat tal-Għażla. Is-serata se tintwera wkoll nhar il-Ħadd stess fuq TVM fl-9.40pm.
DOI – 26.11.2004
6.48 Kbytes Last Modified on 26th November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946