L-AWTORITÀ TAD-DJAR: IKTAR PROĠETTI FAVUR L-AMBJENT
L-Awtorità tad-Djar qegħda tieħu aktar miżuri favur l-ambjent fil-proġetti ta’ djar tagħha. Dan tħabbar illum mill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-Onor. Dolores Cristina, u c-Chairperson ta’ l-Awtorità tad-Djar Marisa Micallef waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-Ministeru, fil-preżenza tal-General Manager ta’ l-Awtorità, Lorna Pavia u Dr. Vince Buhagiar, il-persuna li tat pariri lill-Awtorità għall-installazzjoni ta’ miżuri favur l-ambjent fil-blokk ta’ appartamenti f’tal-Ftieħ, B’Kara.
Wara s-suċċess miksub fl-iżvilupp ta’ blokk ta’ għaxar appartamenti f’tal-Ftieħ, B’Kara, b’disinn li jinkludi miżuri favur l-ambjent, il-Bord ta’ l-Awtorità tad-Djar iddeċieda li jimplimenta miżuri simili fil-proġetti ta’ bini, fejn ikun possibli.
Ic-Chairperson ta’ l-Awtorità tad-Djar, Marisa Micallef, li tirrappreżenta wkoll lill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjet Soċjali fil-NCSD, spjegat li l-bini l-ġdid ser jiġi ddisinjat b’double glazing, persjani, insulation fis-saqaf u fil-ħitan, bir u solar panel heaters. “Hu importanti li l-Awtorità tmexxi bl-eżempju,” spjegat Ms. Micallef, “u kien għalhekk li l-Awtorità tad-Djar ħadet l-ewwel pass f’dan il-qasam”. B’dawn il-miżuri il-konsum tad-dawl jitnaqqas u l-kontijiet tad-dawl jiġu aktar baxxi. L-Awtorità tad-Djar qiegħda tħares lejn il-possibilità ta’ fondi mill-UE għal dawn il-proġetti.
Il-Ministru Cristina qalet li l-Gvern kien konxju ta’ l-importanza ta’ l-iżvilupp sostenibbli, speċjalment f’pajjiż żgħir bħal Malta fejn kull deċiżjoni dwar l-ambjent tħalli impatt sinifikattiv u mmedjat. “In-nies qegħdin jindunaw li lkoll inġorru r-responsabilità għal kwalità ta’ ħajja li qed infasslu għalina nfusna u għal ġenerazzjonijiet tal-futur. Ħafna huma dawk li jixtiequ jipparteċipaw fil-ħarsien ta’ l-ambjent. B’din l-inizjattiva qegħdin ninkoraġixxu użu aħjar ta’ l-enerġija, waqt li niżguraw li fondi pubbliċi qegħdin jiġu utilizzati b’responsabilità u b’mod intelliġenti,” qalet il-Ministru.
DOI - 23.11.2004
5.59 Kbytes Last Modified on 23rd November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946