MESSAĠĠ MILL-MINISTRU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOĊJALI, L-ONOR. DOLORES CRISTINA FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAT-TFAL - 20 TA’ NOVEMBRU 2004
Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali jixtieq jingħaqad mat-tfal kollha u l-familji tagħhom sabiex ifakkar il-Jum Dinji tat-Tfal. Dan huwa jum li jgħinna nieqfu nirriflettu ftit fuq it-tfal li għalina l-Maltin u l-Għawdxin minn dejjem kienu ċ-ċentru tal-familji tagħna.
F’pajjiżna għandna ħafna faċilitajiet u servizzi li jindirizzaw d-drittijiet tat-tfal – biżżejjed li nħarsu lejn is-servizzi tas-saħħa, ta’ l-edukazzjoni, u servizzi rikrejattivi u soċjali. Huwa importanti li dawn is-servizzi jkunu aċċessibbli għat-tfal Maltin ħalli f’dan iż-żmien importanti ta’ formazzjoni huma jikbru u jissaħħu fl-iżvilupp sħiħ tal-ħajja.
Minkejja s-servizzi kollha li għandna f’pajjiżna, huwa importanti li nħarsu lejn dawk it-tfal li qegħdin f’riskju li jaqgħu lura. F’pajjiżna għad għandna tfal li m’għandhomx l-opportunitajiet kollha sabiex jilħqu livell xieraq ta’ għixien. Il-Gvern, l-imsieħba soċjali, il-Knisja u l-għaqdiet non-governattivi għandhom jaħdmu flimkien sabiex jassiguraw li t-tfal kollha jingħataw l-opportunitajiet sħaħ li għandhom bżonn sabiex isiru ċittadini tajbin u responsabbli.
Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali qed jieħu diversi inizjattivi u miżuri sabiex itejjeb l-għixien tat-tfal Maltin. Is-sena l-oħra, il-Gvern għadda l-liġi tal-Kummissarju għat-Tfal, inħatret il-Kummissarju u ġie stabbilit l-uffiċċju tagħha. Il-Kummissarju għat-Tfal ħadet inizjattivi li jippromwovu l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u hemm diversi attivitajiet imħejjin biex fix-xhur li ġejjin dan l-uffiċċju jibqa’ jieħu l-miżuri meħtieġa li jħarsu t-tfal.
Matul din is-sena sar tibdil fil-leġislazzjoni ċivili sabiex Malta ssir firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ The Hague dwar il-protezzjoni ta’ l-ulied u l-kooperazzjoni f’addozzjonijiet bejn pajjiż u ieħor. Malta diga’ ffirmat din il-konvenzjoni li mistennija tiġi fis-seħħ kmieni s-sena d-dieħla. Din il-leġislazzjoni se tħares lit-tfal li jiġu addottati minn pajjiżi barranin kif ukoll se tagħti aktar opportunitajiet lil koppji li jixtiequ jaddottaw.
Bħala Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali għandi responsabbilta’ biex it-tfal jkunu mħarsa mill-abbuż. Ix-xogħol li jsir mill-ħaddiema soċjali ta’ l-Aġenzija Appoġġ juri d-dedikazzjoni tagħhom sabiex kull tifel u tifla jiġu mħarsa minn esperjenzi negattivi li jħalli l-abbuż fiżiku, sesswali, emozzjonali u t-traskuraġni serja. Dan huwa xogħol importanti u filwaqt li l-istatistiċi juru żieda fin-numru ta’ allegazzjonijiet li jiġu rrapurtati, madankollu dan huwa frott ta’ iktar awareness dwar dan is-suġġett kif ukoll inqas biża’ li jiġu rrapurtati dawn il-każijiet sfortunati. Din is-sena saru wkoll regolazzjonijiet taħt id-Data Protection Act sabiex jiġi assigurat li informazzjoni sensittiva dwar abbuż tat-tfal tkun tista’ tingħata lill-professjonisti sabiex jiġi assigurat il-ħarsien ta’ dawn it-tfal. Dwar leġislazzjoni li tolqot il-ħarsien tat-tfal, il-gvern għandu l-ħsieb li jemenda r-regolazzjonijiet tal-liġi tal-care order sabiex nassiguraw li dawn it-tfal jibbenefikaw minn standard u servizz aħjar fil-kura tagħhom.
Fil-bidu ta’ dan is-sajf, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali nieda konsultazzjoni pubblika dwar is-servizzi taċ-Child Care. Huwa l-ħsieb tal-Gvern li jirregola dan is-settur biex ikun assigurat li kull tifel u tifla li jibbenifikaw minn dan is-servizz jingħataw servizz tajjeb skond il-bżonnijiet ta’ l-iżvilupp tagħhom. Huwa mistenni li matul ix-xhur li ġejjin isiru proposti leġislattivi li jagħtu aktar saħħa lil dan is-servizz tat-tfal.
Matul din is-sena, il-Ministeru kompla saħħaħ is-servizzi soċjali lit-tfal b’diversi inizjattivi u kompla żied l-investiment li ilu jagħmel il-Gvern f’dan is-settur. Din il-ġimgħa stess ftaħna faċilita’ residenzjali oħra għal unaccompanied minors li se tirdoppja n-numru tas-sodod għal tfal immigranti li jaslu Malta mingħajr il-familjari tagħhom. Fis-sajf, saħħaħna s-servizzi tas-Supervised Access Visits billi żidna l-finanzjament għal dan is-servizz, kif ukoll żidna n-numru tal-ħaddiema soċjali fil-Fostering Team u l-Generic Team ta’ l-Aġenzija Appoġġ. Wara ricerka dwar it-tfal li saret minn din l-Aġenzija, matul din is-sena saru seminars li taw iktar dettalji dwar kif it-tfal iħarsu lejn il-bżonnijiet tagħhom u kif jixtiequ li s-servizzi jiżviluppaw għalihom.
Ma nistax ma nsemmix l-Pjan Nazzjonali kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali li ppreżentajna din is-sena. Dan il-pjan jitkellem dwar il-faqar fost it-tfal Maltin kif ukoll jagħti direzzjoni lejn inizjattivi li jgħinu lit-tfal u l-familji tagħhom sabiex ma jkunux fir-riskju tal-faqar. Dan il-pjan għas-sentejn li ġejjin jelenka diversi miżuri u inizjattivi li jirrigwardaw it-tfal u l-familji, li se jittieħdu mill-gvern, mis-sħab soċjali u għaqdiet non-governattivi.
Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali se jibqa’ jaħdem bis-sħiħ favur il-ħarsien tat-tfal. Din hija waħda mill-prijoritajiet ta’ dan il-Ministeru u għalhekk matul ix-xhur li ġejjin se nibqgħu nieħdu l-miżuri u l-inizjattivi li huma possibli sabiex nagħtu opportunitajiet li jgħinu l-iżvilupp tat-tfal Maltin u Għawdxin. F’dan il-jum speċjali nsellmu lit-tfal kollha u nixtiequlhom kull opportunita’ li tgħinhom jikbru f’ċittadini responsabbli, tajbin u kuntenti.
DOI 20.11.2004
13.36 Kbytes Last Modified on 22nd November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946