WIRJA TA’ SKULTURA U TERRACOTTA MINN ĠIANNI PACE
Fil-kuruduri ta’ Heritage Malta , Triq il-Merkanti, il-belt Valletta , ġiet inawgurata Wirja ta’ Skultura u Terracotta mtella’ minn Ġanni Pace.
Ġanni Pace huwa persuna sensittiva u sensibbli. Il-lingwa espressjonista tiegħu hi kollha sentiment u emozzjoni li joħroġ fil-ġebla lokali, maħduma fit-terracotta u ffurmata fil-ġibs u l-konkrit.
Xogħlijiet ta’ Ġanni Pace jinsabu fil-Millennium Chapel, f’Paceville, mal-faċċata tas-Santwarju u l-Kunvent Dumnikan fi Gwardamanġia, fil-Kulleġġ ta’ Santu Wistin, f’Tal-Pieta’, u fl-Iskola ta’ San Andrea fl-Imġarr.
Ġanni Pace tella’ wirjiet personali fil-Mużew tal-Fine Arts fil-belt Valletta , fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arkeoloġija, fiċ-Ċentru għall-Kreattivita’ (il-Kavallier ta’ San Ġakbu) u f’Heritage Malta .
Din il-wirja ġiet inawgurata mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech li feraħ lil Ġanni Pace għax-xogħlijiet artistiċi tiegħu. Hu qal li artisti bħal Ġanni Pace kienu jagħmlu unur lil pajjiżna b’xogħlijiet li kienu espressjoni ta’ emozzjoni, sentiment u romantiċiżmu. “Pajjiżna għaddej minn rinaxximent artistiku qawwi. Dan hu rifless fin-numru kbir ta’ wirjiet li qed jittellgħu. Mhux biss qed isir użu mill-ispazju fil-Mużewijiet ta’ pajjiżna iżda llum żdiedu lokalitajiet ġodda għall-wirjiet. Żidna l-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-bitħa msaqqfa tat-Teatru Manoel u l-kuruduri ta’ Heritage Malta . Dawn huma kollha bbukkjati b’wirjiet ta’ artisti lokali.”
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li f’pajjiżna għandna talent artistiku kbir li bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għandu fejn jimraħ. Qed jimraħ u qed jagħti isem lil pajjiżna bħala ċentru ta’ arti u kultura.
DOI - 19.11.2004
5.84 Kbytes Last Modified on 22nd November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946