INKATTRU L-ATMOSFERA TAL-FESTI TAL-MILIED
L-Assoċjazzjoni tal-Komunita’ Kummerċjali ta’ Triq ir-Repubblika ilha għal dawn l-aħħar 30 sena żżejjen Triq ir-Repubblika għall-festi tal-Milied. Din hi t-triq prinċipali tal-pajjiż u għalhekk sew il-Gvern kif ukoll entitajiet kummerċjali jikkontribwixxu għat-tiżjin ta’ din it-triq li tkompli tkattar l-atmosfera ta’ festa ta’ dawn il-jiem sbieħ.
L-għajnuna finanzjarja lir-Republic Street Business Community Association tingħata mill-Kummissjoni Nazzjonali Folklor fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura li tniedi wkoll kull sena kompetizzjonijiet ta’ l-isbaħ toroq u faċċati mżejjna flimkien ma’ kompetizzjonijiet simili tal-presepji.
Il-kompetizzjonijiet tat-tiżjin ta’ toroq jinqasmu fi tlett kategoriji: toroq ewlenin; toroq oħra; u faċċati ta’ każini, Kunsilli Lokali, Għaqdiet u Ċentri Civiċi. Abbinati ma’ dawn il-kompetizzjonijiet jingħataw Lm1,425 fi premjijiet. Barra minhekk kull min jieħu sehem jingħata wkoll ċertifikat ta’ tifkira. Il-Kummissjoni Nazzjonali Folklor tippubblika u tqassam listi lill-pubbliku in ġenerali fejn tindika liema huma t-toroq imżejjna għall-perijodu tal-Milied.
Nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Novembru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura d-dekorazzjonijiet u d-dwal ta’ Triq ir-Repubblika. “It-tiżjin ta’ toroq u bini fil-ġranet hekk sbieħ tal-Milied saru parti mit-tradizzjoni ta’ pajjiżna li jgħożż dawn il-ġranet li jfakkru t-twelid ta’ Ġesù. Il-Gvern jagħti sehmu permezz ta’ għajnuna finanzjarja iżda l-akbar sehem jagħtuh l-organizzaturi,” qal il-Ministru Zammit Dimech li żied jawgura lill-komunita’ kummerċjali ta’ Triq ir-Repubblika li jkollhom negozju tajjeb b’ħafna bejgħ.
Francis Zammit Dimech irringrazzja lir-Republic Street Business Community Association għall-inizjattiva tagħhom u lill-Kummissjoni Nazzjonali Folklor li qed tgħin finanzjarjament u permezz ta’ pariri. Hu ħa l-okkażjoni biex, għalkemm kmieni, jawgura Milied hieni lil kulħadd.
DOI - 19.11.2004
4.77 Kbytes Last Modified on 22nd November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946