IR-RIFORMI FIL-QASAM TA’ L-EDUKAZZJONI: ID-DJALOGU JKOMPLI MA’ L-ISTUDENTI
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea kompla l-proċess ta’ djalogu ma’ dawk kollha nvoluti fir-riforma li trid isseħħ fil-finanzjament ta’ l-edukazzjoni ogħla f’pajjiżna b’laqgħa mal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU). Din hi t-tieni f’sensiela ta’ laqgħat li qed ikollu l-Ministru Galea wara li nhar is-sibt li għadda l-Grupp ta’ Ħidma ppublika r-rapport dwar l-iffinanzjar tas-settur ta’ l-edukazzjoni ogħla ta’ l-istat.
Il-Ministru Galea qal li wara li ltaqa’ mal-kapijiet ta’ l-istituzzjonijiet ried jiltaqa’ ma l-istudenti biex jiddiskuti magħhom x’miżuri għandhom jittieħdu biex tissaħħaħ il-bażi finanzjarja ta’ dan is-settur. Hu qal li l-KSU kien diġa’ iltaqa’ mal-Grupp ta’ Ħidma meta kien qed iħejji r-rapport. Il-Ministru qal li d-djalogu jrid isir fuq is-sistema kollha ta’ l-edukazzjoni post-sekondarja, vokazzjonali u terzjarja.
Louis Galea qal li l-Gvern hu impenjat li jwettaq riforma fil-qasam ta’ l-edukazzjoni ogħla bl-iskop li s-settur ikun jista jilqa’ fih in-numru dejjem jikber ta’ studenti. Ir-rapport juri b’mod ċar li f’dawn l-aħħar snin, l-istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji kibru b’mod qawwi tant, li jekk nieħdu l-ammont ta’ żgħażagħ fl-eta ta’ 17-il sena li għadhom fl-edukazzjoni (normalment fil-livell post-sekondarju), insibu li filwaqt li ħames snin ilu ir-rata ta’ parteċipazzjoni kienet ta’ 43%, din issa telgħet għal 67%. Fl-istess ħin fl-aħħar ħames snin, dawk ta’ l-eta’ ta’ 19-il sena (normalment fil-livell terzjarju) li għadhom fl-edukazzjoni tela minn 31% għal 44%. Dan ifisser li l-istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji qed jikbru u se jkomplu jikbru kemm għax din hi l-politika tal-Gvern preżenti, għax jemmen li huwa l-aħjar investiment, kif ukoll għax bħala poplu qed insiru aktar konxji li ma nistgħux ngħaddu b’livelli bażiċi ta’ edukazzjoni biss.
Ir-Rakkomandazzjonijiet tar-rapport jinkludu fost oħrajn li l-Gvern għandu jimxi lejn sistema ta’ Formula Funding fejn l-ammont ta’ finanzjament li jingħata lill-istituzzjonijiet ikun jirrifletti l-ammont ta’ studenti, il-kwalita’ li trid tintlaħaq, u l-ispejjeż involuti biex isir il-kors. Jirrakkomanda wkoll li l-istituzzjonijiet jaħdmu aktar biex jiġbdu lejhom finanzjament addizzjonali.
Il-Ministru Galea qal li l-Gvern preżenti minn dejjem poġġa l-edukazzjoni fost l-ogħla prioritajiet u s-suċċess li ksibna fl-aħħar snin huwa xhieda ta’ dan. Hu għalhekk li issa irridu nirrevedu s-sistemi li għandna biex inkunu nistgħu nimxu ’l quddiem u nkomplu ngawdu mis-suċċessi li ksibna s’issa u l-benefiċċji li jġib miegħu livell għoli ta’ edukazzjoni fil-pajjiż.
Louis Galea tenna li l-isfida li qed jaffaċċja pajjiżna hi sfida li anke pajjiżi akbar u b’ekonomiji aktar b’saħħithom minna qed jaraw kif se jsibu sistemi ġodda ta’ ffinanzjar għall-istituzzjonijiet tagħhom.
Louis Galea temm jgħid li filwaqt li l-Gvern irid li sseħħ ir-riforma li hemm bżonn fil-finanzjament ta’ l-edukazzjoni ogħla, irid jara wkoll li l-istituzzjonijiet joffru livelli ta’ kwalita’ u kontabilita’ akbar. Il-Ministru Galea qal li l-Gvern mhux se jinjora l-fatti u lanqas beħsiebu jieħu miżuri nofs kedda li ma jwasslu imkien. Madankollu, fil-konsiderazzjonijiet tiegħu, il-Gvern se jżomm il-prinċipji ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ bibien miftuħa għall-edukazzjoni ogħla.
DOI – 19.11.2004
7.69 Kbytes Last Modified on 19th November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946