Left arrow Mur Lura

DEHRA ĠDIDA LILL-BELT STORIKA TA’ L-IMDINA - JITLESTA L-MASTER AND CONSERVATION PLAN

PR1795
Date Icon 19/11/2004

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura għaddej b’ħidma intensiva fuq proġett ta’ importanza nazzjonali li se jwassal biex il-Belt storika ta’ l-Imdina tingħata d-dehra li tixirqilha. Dan il-proġett jinkludi l-pavimentar ta’ l-Imdina kollha.  

Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, il-Perit Ninu Zammit waqt żjara li għamel fl-Imdina fejn qed isir il-pavimentar tat-toroq u l-pjazez kollha ta’ din il-Belt storika.  

Ix-xogħol ta’ pavimentar seta’ jibda wara li s-servizzi kollha tad-dawl u tad-drenaġġ ġew mibdula u mgħoddija taħt l-art. Sabiex tingħata dehra aħjar lil din il-Belt tneħħew l-cables ta’ l-elettriku tal-Maltacom u tal-cable television u dawn illum huma mgħoddija minn taħt il-pavimentar f’casing apposta. Issaħħet il-provvista ta’ l-elettriku bl-installazzjoni ta’ feeder pillars. Dawn għandhom jippermettu distribuzzjoni aħjar ta’ l-elettriku kemm għall-konsumaturi kif ukoll għal l-istreet lighting. Il-Ministru Ninu Zammit qal ukoll li se jiġi mixgħul xi bini importanti f’inħawi differenti ta’ din il-Belt.  

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura spjega lill-ġurnalisti preżenti l-proċess kollu ta’ kif qed isir dan il-pavimentar. Wara li jinqala’ l-wiċċ eżistenti, qegħdin jitpoġġew manhole covers li qed jinħadmu mid-Dipartiment tas-Servizzi u Manifattura. B’kollox se jkunu tpoġġew 600 manhole mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Dan jiġi segwit minn għoti mill-ġdid tal-konkos fuq livelli stabbiliti u l-pavimentar innifsu. Dan it-tip ta’ madum jew pavimentar ġie mpurtat minn Sqallija.  

Ix-xogħlijiet preliminari nbdew f’Mejju 2004 u huwa ppjanat li x-xogħol ta’ pavimentar ikun lest sa l-aħħar tas-Sajf tas-sena 2005. Ix-xogħol kollu relatat mal-pavimentar qed jitwettaq minn 3 kuntratturi privati flimkien ma’ ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.  

Tlesta x-xogħol fuq 12-il triq u għaddej xogħol fuq 4 toroq oħra. It-12-il triq li tlestew jammontaw għal madwar 2,300 metru kwadru ta’ pavimentar. Fil-preżent għaddej xogħol f’Misraħ is-Sur. Dan se jiġi segwit minn xogħol fuq it-toroq prinċipali, Pjazza San Pawl u Pjazza Arċisqof.  

Il-proġett tal-pavimentar ta’ l-Imdina huwa wieħed mill-bosta proġetti li twettqu matul din is-sena mill-Ministeru ghar-Riżorsi u Infrastruttura. Huwa elenka lista ta’ proġetti ta’ tisbiħ li twettqu f’żoni turistiċi bħal Barrakka ta’ Fuq, Bieb Sant’Anna fl-Isla, il-Mitħna tax-Xarolla u l-kappella ta’ Sant’Andrija fiż-Żurrieq, il-Knisja tal-Vitorja fil-Belt Valletta, il-Palazz ta’ l-Inkwiżitur u l-Forti Sant Anġlu. Il-vot finanzjarju tal-Ministeru fuq dawn it-tip ta’ xogħlijiet ta’ restawr u oħrajn matul is-sena 2004 kien ta’ ’l fuq minn miljun lira. Il-Ministru Zammit kompla billi semma proġetti ta’ restawr li għaddejjin bħalissa fosthom ir-restawr ta’ l-Akwadotti, tal-kappella taċ-Ċwejra fis-Siġġiewi, il-Knisja ta’ Sarria u l-Argotti fil-Floriana, il-kappella ta’ San Ġakbu f’Hal Luqa, il-kappella ta’ San Girgor fiż-Żejtun u l-kappella ta’ l-Italja fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Dan ix-xogħol qiegħed jitwettaq mis-Sezzjoni ta’ Restawr fi ħdan l-istess Ministeru.  

Finalment il-Ministru Ninu Zammit irrimarka li dan il-proġett ta’ pavimentar ta’ l-Imdina kollha juri b’mod konkret l-impenn tal-Gvern biex nippreservaw u ngħożżu bis-sħiħ il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Huwa temm jgħid li wara li tlesta il-Master & Conservation Plan, ser jittieħdu l-miżuri neċessarji biex din il-Belt storika tiġi nkluża fil-World Heritage List ta’ l-UNESCO.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow