INAWGURAT SISTEMA ĠDIDA U MODERNA LI TIFFAĊILITA L-MONITORING TAL-KWALITA’ TA’ L-ILMA
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma llum inawgurat sistema ġdida u moderna li tiffaċilita l-monitoring tal-kwalita’ ta’ l-Ilma li jitwassal fid-djar tal-Maltin. Din is-sistema hija iffinanzjata mill-Unjoni Ewropea.
F’diskors ta’ l-okkażjoni, il-Ministru ghat-Teknologija ta’ l-Informazzjoni, l-Onor. Austin Gatt irrefera għall-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma bħala kumpanija mgħonija b’management professjonali li għaraf kif it-teknoloġija tista’ tintuża bħala għodda biex ix-xogħol isir aħjar u biex nagħtu lill-pubbliku servizz aqwa.
Il-Ministru Austin Gatt fisser li din il-Korporazzjoni rnexxiela tisfrutta l-vantaġġi tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni biex ittejjeb il-kwalita’ tal-management billi tuża’ bħala għodda biex jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji. Deċiżjonijiet, li fl-aħħar mill-aħħar jassiguraw il-kwalita’ ta l-ilma li jitwassal fid-djar. Mhux biss, kompla l-Ministru Gatt, iżda grazzi għal dan il-proġett il-kumpanija bidlet il-mod kif topera, naqqset in-numru ta’ shifts u ffrankat ukoll spejjeż marbutin ma’ overtime.
Il-Ministru Gatt spjega li dan il-proġett huwa wieħed li kien finanzjat mill-Unjoni Ewropea. Huwa saħaq li jemmen li l-Unjoni Ewropea mingħajr dubju tgħin biex pajjiżna jtejjeb l-istandards tiegħu.
Min-naħa tiegħu, il-Perit Michael Falzon u Anthony Rizzo, Chairman u CEO rispettivament tal-Korporazzjoni, taw ħarsa lejn il-vantaġġi li għandha din is-sistema. Huwa fisser li grazzi għal din is-sistema, teknikament magħrufa bħala SCADA (Supervision, Control and Data Acquisition System), tgħin fil-kontroll tar-riżors limitat ta’ l-ilma remotament. “Nindunaw aktar malajr meta nkunu qed nitilfu l-ilma, nirreaġixxu qabel u naħlu anqas.” Apparti dan, grazzi għal din is-sistema, intejbu l-effiċjenza tal-haddiema, għax ikollna inqas ħela fuq għassa tal-pompi remoti tal-Korporazzjoni, inqas skariġġ fi stħarriġ dwar x’qed jiġri ħażin u fuq kollox azzjoni mmedjata minn kemm impjegati għandek bżonn. Il-haddiema l-oħra (żejda) tużahom aħjar x’imkien ieħor.
Din is-sistema tipprovdi għassa akbar għall-kwalità ta’ l-ilma. Fil-fatt tipprovdi kejl kontinwu tal-qawwa ta’ l-ilma biex jittrasmetti l-elettriċità; kemm hu mdennes l-ilma; il-livell ta’ kloru; l-alkalinità u t-temperatura ta’ l-ilma.
Apparti dan, din l-informazzjoni tidħol mill-ewwel f’database u telabora l-informazzjoni biex inkunu nistgħu naraw fejn għandna l-problemi u x’għandna nagħmlu biex insolvuhom.
Il-Kap tad-delegazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea f’Malta, is-Sur Ronald Gallimore, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-involviment tal-Kummissjoni Ewropea, fi proġett intenzjonat li jtejjeb il-kwalita’ ta’ l-ilma f’Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en