STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KOMPETITTIVITA’ U KOMUNIKAZZJONI B’REFERENZA GĦAL-LAQGĦA TAL-BIERAĦ FL-MCESD
Il-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni jinnota li hi ta’ ħasra kbira kif id-diskussjoni kostruttiva li kienet ilha għaddejja għal dawn l-aħħar xhur bejn l-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD) kellha tintemm b’dan il-mod.
Il-Ministru Censu Galea jkollu laqgħat regolari ma’ l-imsieħba soċjali tal-pajjiż u tul liema laqgħat, kienet għal kemm-il darba diskussa n-neċessita’ urġenti li pajjiżna jkun kompetittiv u effiċjenti, kif ukoll li mingħajr dewmien żejjed, titnissel kultura ġdida fi ħdan l-operat tal-ħaddiema, u ta’ dawk li jħaddmu.
Filwaqt li dan il-Ministeru jagħraf u jagħti ġieh lix-xogħol li sar mill-MCESD u l-imsieħba soċjali kollha, bil-għan aħħari li jintlaħaq kunsens, ma jistax ma jurix id-dispjaċir tiegħu għall-fatt li diskussjoni ta’ natura u ta’ interess nazzjonali kellha tispiċċa b’dan il-mod.
Wasal iż-żmien li nkunu ċari fl-għanjiet tagħna: jew se nibqgħu nżommu mal-aġenda tal-ftit, bir-riżultat li jbati l-pajjiż kollu, jew inkella permezz ta’ diskussjoni matura, sejrin naslu għall-objettivi ċari li għandu quddiemu l-Gvern għall-futur ta’ pajjiżna. Il-kontribut ta’ l-imsieħba soċjali hu element essenzjali fi ħdan dan il-proċess kollu, u hu proprju għalhekk li attitudni bħal dik meħuda l-bieraħ minn naħa tal-General Workers Union, tiġi ddeplorata.
Il-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni Censu Galea jappella għas-sens komun u r-raġuni, u jinsisti li l-obbligi ta’ ċertu organizazzjonijiet, li b’responsabblita’ kbira jirrappreżentaw lill-ħaddiema tagħna, imorru ħafna aktar lil hinn minn hekk.
Il-kompetittivita’ nazzjonali hi ta’ mportanza massima, u l-futur ta’ l-industrija f’pajjiżna tiddependi fuq dan. L-għan prinċipali li Malta tkun kapaċi toffri servizz jew prodott ta’ kwalita’ għolja iżda bi prezz raġjonevoli, liema servizz jew prodott ikun kompetittiv meta mqabbel ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra, hi realta’ u prijorita’ mmedjata. Għalhekk jeħtieġ li dan il-konċett jingħaraf minn kulħadd, u permezz ta’ kunsens naslu għal strateġija ta’ bidliet li jridu jigu mplimentati kemm jista’ jkun malajr. Sfortunatament iżda, għad hawn min qiegħed jgħix f’dinja oħra u jrid ifixkel.
Sitwazzjonijiet bħal dawn, li fihom hi protagonista l-General Workers Union huma ripetizzjoni tal-attitudini li ħadet fuq ir-riforma fil-portijiet.
Il-Gvern għamilha ċara għal kemm-il darba li r-riforma fil-portijiet trid isseħħ permezz ta’ sforz kollettiv li bħala għan aħħari, għandu jkun li jiġi attirat aktar investiment u xogħol lejn pajjiżna.
Il-Ministru għall-Kompetittivita’ u l-Komunikazzjoni Censu Galea jappella lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, kif ukoll lill-imsieħba soċjali kollha, inkluż l-istess General Workers Union, biex id-diskussjoni matura tipprevali fuq interessi oħra, u li l-ġid komuni tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin kif ukoll s-suċċess ta’ dan il-pajjiż, jibqgħu l-miri prinċipali tal-operat tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946