Left arrow Mur Lura

JIBDA D-DJALOGU GĦAR-RIFORMI TA’ L-EDUKAZZJONI OGĦLA

PR1786
Date Icon 18/11/2004

Wara li nhar is-Sibt li għadda ġie ppublikat ir-Rapport Chalmers dwar il- Finanzjament ta’ l-Edukazzjoni Ogħla (State Higher Education Funding), il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea illum ta bidu għal proċess ta’ djalogu dwar ir-riformi meħtiega fis-settur ta’ l-edukazzjoni ogħla.  L-ewwel laqgħa saret mal-kapijiet ta’ l-istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji kollha inkluż dawk privati u tal-Knisja.   

Laqgħat oħra li għandhom isiru fil-jiem li ġejjin jinkludu laqgħa mal-MCESD, mal-KSU u għaqdiet oħra ta’ l-istudenti u oħrajn.  Fl-ewwel fażi tal-konsultazzjoni l-Ministru Galea ser jiddiskuti r-reviżjoni tas-sistemi ta’ finanzjament li jeżistu għall-Universita`, l-MCAST u l-livell post-sekondarju.  

Il-Ministru Galea qal li issa li ġie ppublikat dan ir-rapport, kulħadd għandu stampa ċara u fattwali tas-sitwazzjoni preżenti u liema huma l-isfidi għall-ġejjieni.  Hu qal li xtaq jibda mill-kapijiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla għax jemmen li l-ewwel sfida hi kif is-sistema preżenti ta’ finanzjament tista tiġi riveduta biex l-istituzzjonijiet ikollhom finanzjament aktar sod li jirrifletti aħjar l-ispejjeż li għandhom minħabba n-numru kbir ta’ studenti  kif ukoll it-tisħiħ u t-titjib fil-kwalita`.  

Il-Ministru ddiskuta mal-kapijiet pjan ta’ ħidma biex l-istituzzjonijiet involuti jieħdu sehem fit-tifsil tal-politika u l-istrateġija l-ġdida b’mod informat u biex jgħinu l-Gvern u l-pajjiż jagħmel l-aħjar deċiżjonijiet li jassiguraw il-futur ta’ dan  is-settur.  Huwa fisser li għalkemm il-finanzjament huwa l-ewwel aspett li ser jiġi diskuss, il-Gvern irid li jsaħħaħ l-istrutturi, t-tmexxija, u l-kontabilita` ta’ l-istituzzjonijiet.   

Il-Ministru emfasizza li l-Gvern preżenti poġġa lill-edukazzjoni bħala waħda mit-tlett prioritajiet tiegħu flimkien ma’ l-ambjent u l-ekonomija.  Hu qal li l-Gvern irid iwettaq reviżjoni tas-sistema edukattiv kollu inkluż is-settur ta’ l-edukazzjoni ogħla. L-indikazzjoni kollha juru l-ħtieġa tat-tiġdid tas-sistema edukattiv f’pajjiżna.  

Louis Galea qal li filwaqt li Gvern lest li jkompli jżid l-investiment fil-qasam edukattiv irid ikun ċert li kull lira li nonfqu tkun qed tintuża bl-aktar mod effettiv u trasparenti f’edukazzjoni ta’ l-ogħla kwalita’.  Louis Galea tenna li r-rapport jitkellem ukoll fuq il-bżonn li l-istituzzjonijiet jibdew jesploraw oqsma ġodda minn fejn ikunu jistgħu jattiraw aktar finanzjament.  Louis Galea qal li l-bidliet kbar li seħħew madwarna fl-aħħar snin u b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-edukazzjoni ogħla għandu jwassal lill-istituzzjonijiet biex jaraw kif jistgħu jużaw ir-riżorsi u l-kompetenzi tagħhom biex joħolqu sorsi ġodda ta’ finanzjament.   

Fil-laqgħa mal-Ministru ħadu sehem: ir-Rettur ta’ l-Universita` l-Professur Roger Ellul Micallef, l-Aġent Prinċipal ta’ l-MCAST  is-Sur Frank Edwards, is-Sur Teddy Camilleri u s-Sur Reggie Abela li rrappreżentaw l-ITS, il-Principal tal-Junior College is-Sur Godfrey Muscat, il-Kapijiet ta’ l-Iskejjel Sekondarji Ogħla f’Malta u Ghawdex is-Sur Horace Caruana u s-Sur Anthony Said, il-Kap tal-Kulleġġ San Alwiġi Fr. Anthony Cilia, il-Kap tal-Kulleġġ De La Salle Bro. Martin Borg, u l-Kap ta’ St Edward’s College is-Sur Anthony Saliba.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow