FTS: L-ALLEGAZZJONIJIET TA’ L-OPPOŻIZZJONI BLA BAŻI – M’HEMMX KSUR TAL-LIĠI KRIMINALI
Il-Ministru tal-Ġustizzja u Intern, l-Onor. Dr. Tonio Borg għadda kopja tar-Rapporti tal-Maġistrat Dr. Consuelo Scerri Herrera kif ukoll ta’ Avukat Ġenerali Dr. Silvio Camilleri, dwar l-inkjesta fir-rigward tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, l-Onor. Dr. Louis Galea. L-Inkjesta kienet intalbet mill-Oppożizzjoni Laburista.
Il-Ministru Galea b’sodisfazzjoni innota li l-allegazzjoni ta’ l-Oppożizzjoni ta’ “abbużi serji, jekk mhux addirittura korruzzjoni”, bi ksur tal-liġi kriminali, irriżultat bla ebda bażi fil-konfront tiegħu, tal-Ministeru, u taċ-Chairman u l-Bord tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS).
Kif kien diġa’ ħabbar il-Ministru Galea fil-Parlament u barra, il-Maġistrat sabet illi kien hemm nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti amministrattivi finanzjarji fl-għoti ta’ numru ta’ ordnijiet mill-FTS. Dan in-nuqqas ma kienx mistur, u dwaru l-Gvern u l-FTS kienu qed jieħdu l-passi kollha neċessarji.
Irriżulta biss il-każ ta’ uffiċjal pubbliku tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni li talab u tħallas ‘overtime’ għall-istess sigħat darbtejn. L-ammont kien ta’ Lm 811.23. L-FTS kienet irrapportat il-każ hekk kif saret taf, u s-Segretarju Permanenti ta’ l-Ministeru ta’l-Edukazzjoni ħa l-passi meħtieġa u ġabar il-flus lura f’Novembru 2003.
Fi ftit kliem, mir-rapport tal-Maġistrat jirriżulta li:
1. Ma sabet ksur ta’ ebda wieħed mill-artikoli tal-Kodiċi Kriminali li l-Oppożizzjoni
Laburista’ semmiet;
2. Il-Fondazzjoni għamlet sew meta ħadet il-passi li ħadet minħabba li kien hemm ksur
tar-regolamenti finanzjarji;
3. Ma rriżultax li kien hemm tixħim jew irregolaritajiet jew reati simili;
4. In-nuqqasijiet, saru minħabba ħeġġa biex isir ix-xogħol fl-iskejjel ħalli dawn ikunu lesti
għall-ftuħ ta’ l-iskola; u
5. Wieħed forsi għandu jara wasalx iż-żmien li r-regolamenti finanzjarji, u/jew l-istrutturi
involuti, isiru aktar effiċjenti biex ma jkunux ta’ xkiel għal min għandu ħeġġa biex
jagħmel xogħlu, u biex jinsab bilanċ xieraq bejn effiċjenza, nuqqas ta’ dewmien, u
kontroll xieraq, bilanċ li llum jidher li diffiċli biex jinkiseb.
Dan kollu joħrog ċar minn investigazzjonijiet li ħadu aktar minn sena kif deskritt fir-rapport ta’ l-inkjesta maġisterjali u dak ta’ l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika.
Ma’ din l-Istqarrija l-Ministeru qed jippubblika wkoll kummenti oħra tal-Ministru Galea għar-Rapport tal-Maġistrat dwar din l-Inkjesta (ara appendiċi mehmuż).
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946