PROBLEMI RELATATI MAR-REGOLI TAS-SUQ INTERN ISSA JISTGĦU JISSOLVEW BLA DEWMIEN PERMEZZ TAĊ-ĊENTRU ‘SOLVIT’
Malta hija mpenjata bis-sħiħ li tara li l-liġijiet tas-suq intern ikunu qed jiġu mplimentati kif suppost għall-benefiċċju tal-Maltin kollha. Dan qalu il-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni Censu Galea meta kien qed iniedi ċ-Ċentru Solvit ta’ Malta .
Meta kien qed jagħti dettalji dwar dan iċ-ċentru, il-Ministru Galea qal li SOLVIT huwa network bejn l-istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropeja, fejn dawn jistgħu jaħdmu flimkien biex b’mod prattiku jsolvu problemi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ħażina tal-liġijiet tas-suq Intern min-naħa ta’ l-awtoritajiet pubbliċi.
Hemm Ċentru SOLVIT f’kull wieħed mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (kif ukoll fin-Norveġja, fl-Islanda u l-Liechtenstein). Iċ-Ċentri SOLVIT jistgħu jgħinu fil-ġestjoni ta’ l-ilmenti kemm taċ-Ċittadini kif ukoll tan-negozji. Meta kien qed jagħti dettaji lill-ġurnalisti, il-Ministru għall-Kompetittivita’ u Kompetizzjoni qal li dawn iċ-Ċentri huma parti mill-amministrazzjoni nazzjonali u huma mpenjati sabiex jagħtu soluzzjonijiet reali għall-problemi li jinqalgħu f’mhux aktar minn għaxar ġimgħat. Dan is-servizz huwa bla ħlas.
Hu qal li dan in-network beda jopera madwar l-Ewropa f’Lulju 2002 wara rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2001 u iżjed tard l-adozzjoni tal-Kunsill għas-Suq Intern f’Marzu 2002 u f’Malta dan iċ-ċentru beda jaħdem fl-aħħar ġimgħat. Filwaqt li jiġi mħaddem mill-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi l-faċilitajiet u, fejn ikun meħtieġ, toffri għajnuna sabiex titħaffef is-soluzzjoni tal-problemi. Hija tgħaddi wkoll xi wħud mill-ilmenti formali li tirċievi lis-SOLVIT fejn ikun hemm possibilta’ kbira li dik il-problema tiġi solvuta mingħajr azzjoni legali.
Fejn jista’ jgħin is-SOLVIT
Is-SOLVIT jittratta problemi li jikkonċernaw applikazzjoni possibilment ħażina tal-liġi ta’ l-UE li jinħolqu bejn negozju jew ċittadin fuq naħa u awtorita’ pubblika nazzjonali fuq l-oħra L-oqsma li s-SOLVIT trattat l-aktar s’issa huma:-
· Ir-rikonoxximent tal-kwalifiċi professjonali u d-diplomi,
· L-aċċess għall-edukazzjoni,
· Il-permessi ta’ residenza,
· Id-drittijiet tal-vot,
· Is-sigurta’ soċjali,
· Id-drittijiet tax-xogħol,
· Ir-reġistrazzjoni tal-liċenzji tas-sewqan,
· Il-kontroll fuq il-fruntieri,
· L-aċċess għas-suq tal-prodotti,
· L-aċċess għas-suq tas-servizzi,
· Min jaħdem għal rasu,
· L-appalti pubbliċi,
· It-taxxa, u
· Il-moviment ħieles tal-kapital jew tal-pagamenti.
Is-SOLVIT jikkunsidra kull każ li jissodisfa l-kriterji ta’ hawn fuq. Madanakollu, peress illi s-SOLVIT huwa metodu informali ta’ kif jiġu riżolti l-problemi dan m’għandhux jintuża f’sitwazzjonijiet fejn diġa’ jkunu nbdew proċeduri legali. Aktar minn hekk, s-SOLVIT ma jikkonċernax problemi bejn negozji jew bejn negozji u konsumaturi.
Kif jaħdem is-SOLVIT
Meta kien qed jagħti dettalji dwar kif jiffunzjona ċ-ċentru Solvit, il-Ministru Censu Galea qal li meta ċittadin jew negozju jissottometti każ liċ-Ċentru Lokali tiegħu (magħruf bħala ċ-Ċentru SOLVIT “ta’ l-Oriġini”) u jiġi stabbilit li l-każ verament jikkonċerna nuqqas fl-applikazzjoni tar-regoli tas-Suq Intern, il-każ jintbgħat awtomatikament (permezz ta’ database fuq l-Internet) liċ-Ċentru SOLVIT fl-Istat Membru l-ieħor fejn il-problema tkun ġrat (magħruf bħala ċ-Ċentru SOLVIT “Ewlieni”). Iż-żewġ Ċentri SOLVIT involuti mbagħad jaħdmu flimkien sabiex fi żmien għaxar (10) ġimgħat tinstab soluzzjoni għall-problema fejn il-klijent jinżamm infurmat bl-iżviluppi fuq il-każ tiegħu kif ukoll dwar is-soluzzjoni proposta miċ-Ċentru SOLVIT Ewlieni.
Is-SOLVIT huwa mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni alternattiva tal-konflitti. Huwa jaħdem aktar malajr milli kieku jsir ilment formali. Jekk ma tinstabx soluzzjoni għall-problema, jew fil-każ li s-soluzzjoni proposta mhix aċċettabli għall-klijent, wieħed xorta jkun jista’ jieħu passi legali f’qorti nazzjonali jew jagħmel ilment formali mal-Kummissjoni Ewropea.
Organizzazzjonijiet assoċjati
Organizzazzjonijiet rappreżentattivi, bħall-Assoċjazzjonijiet tal-Kummerċ, Kmamar tal-Kummerċ, Membri tal-Parlament Ewropew, Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi kif ukoll Ambaxxati, jistgħu jissieħbu man-network tas-SOLVIT u jkollhom il-possibilita’ li jdaħħlu l-każijiet direttament fuq id-database f’isem il-klijenti jew kostitwenti tagħhom.
Ċentru SOLVIT Malta
Bħall-Istati Membri kollha, Malta issa għandha iċ-Ċentru SOLVIT tagħha. Dan iċ-Ċentru ġie stabbilit fid-Diviżjoni tal-Kummerċ u huwa operat mid-Direttorat għall-Intrapriżi Żgħar u Artiġjanat. L-uffiċjali inkarigati minn dan iċ-Ċentru jattendu għall-taħriġ apposta organizzat mill-Kummissjoni Ewropea.
Fil-ġimgħat u xhur li ġejjin, id-Direttorat ser jaħdem biex b’mod mill-aktar wiesgħa jippromwovi dan iċ-Ċentru biex il-pubbliku Malti u negozji Maltin ikunu jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz. Fil-fatt is-servizz diġa beda jintuża fejn ġew reġistrati numru ta’ każijiet li mhux kollha nstab li jikkwalifikaw skond il-kriterji tan-network. Il-promozzjoni ta dan iċ-ċentru ser tinvolvi wkoll lill-Organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ ċittadini u negozji Maltin. Fi żmien li ġej dawn ser jiġu avviċinati mid-Direttorat biex jiġi spjegat lilhom l-objettiv ta’ dan in-Network u l-opportunita’ li dan jagħtihom biex b’mod effettiv iwasslu l-ilmenti tal-membri tagħhom.
Saru arranġamenti wkoll biex iċ-Ċentru Malti ikollu is-’support’ kollu meħtieġ min-naħa ta’ l-Amministrazzjoni Pubblika biex ikun jista’ jagħti servizz effiċjenti. Għal dan il-għan il-Ministeri differenti ħatru persuna li tista sservi ta’ kuntatt f’din is-sistema. Iċ-Ċentru SOLVIT Malta, li jinsab fil-bini tad-Diviżjoni tal-Kummerċ ġewwa Lascaris, jista’ jiġi ikkuntattjat permezz ta’:-
· e-mail: solvit.malta@gov.mt
· fax: 21239891
· tel: 25690329/25690310
· websites: www.mcmp.gov.mt u www.europa.eu.int/solvit
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946