L-ORKESTRA NAZZJONALI FI PROĊESS KONTINWU TA’ ŻVILUPP
L-Orkestra Nazzjonali issa għandha l-Orkestra Nazzjonali taż-Żgħażagħ li se tagħti l-ewwel kunċert tagħha fl-4 ta’ Diċembru fis-Sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz, il-belt Valletta . Il-Kunċert inawgurali se jkun taħt il-patroċinju ta’ l-ET il-President ta’ Malta , Edward Fenech Adami.
L-Orkestra se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Michael Laus u hi magħmula minn 30 mużiċista żgħażagħ li flimkien ma’ mużiċisti ewlenin mill-Orkestra Nazzjonali se jagħtu xogħlijiet ta’ Purcell, Mozart u Haydn.
L-Orkestra Nazzjonali issa għandha wkoll il-website tagħha. S’issa tnediet l-ewwel fażi. It-tieni fażi għandha tkun verjoni bil-Malti tas-site.
Nhar is-Sibt 27 ta’ Novembru l-Orkestra Nazzjonali se tagħti kunċert b’differenza fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran. Fil-kunċert, bit-tema “L-Orkestra Nazzjonali tmur pop”, se jipparteċipaw kantanti famużi Maltin fosthom Fabrizio Faniello, Olivia Lewis, Hooligan u l-banda ewlenija rock “Winter Moods”.
Dan il-kunċert, li ġie organizzat bil-kollaborazzjoni ta’ Sigmund Mifsud, għandu jappella għal dawk kollha li tinteressahom il-mużika li mhix kollha neċessarjament ta’ stil klassiku jew sinfoniku.
Il-kantanti, flimkien ma’ l-Orkestra Nazzjonali taħt id-direzzjoni ta’ Paul Abela, ser jagħtu programm ta’ numri immortali bħal Beach Boys Medley, La Bamba u Proud Mary kif ukoll ‘cover versions’ u kanzunetti popolari Maltin.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech indirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet fejn ħabbar dawn l-iżviluppi ġodda fil-ħajja ta’ l-Orkestra Nazzjonali. Hu qal li l-Orkestra Nazzjonali, bħala organizazzjoni dinamika, qiegħda fi proċess kontinwu ta’ żvilupp. “Il-ħolqien ta’ Orkestra Nazzjonali taż-Żgħażagħ kif ukoll il-kunċert pop li se jsir fis-27 ta’ Novembru huma indikazzjoni ta’ l-impenn tal-Gvern li jressaq il-kultura dejjem aktar lejn iż-żgħażagħ” qal il-Ministru Zammit Dimech li żied jappella liż-żgħażagħ jattendu bi ħġarhom għall-kunċert “The National Orchestra goes pop.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946