IR-RAPPORT CHALMERS IPPUBLIKAT: BAŻI FATTWALI GĦAL DISKUSSJONI SERJA U MIFTUĦA
Wara li f’April li għadda l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea kien ħatar grupp ta’ esperti biex isir rapport dwar il-finanzjament tas-settur ta’ l-edukazzjoni ogħla, is-Sur Roderick Chalmers, Chairman tal-grupp, ippreżenta r-rapport lill-ogħla awtoritajiet edukattivi, rappreżentanti ta’ diversi oqsma interessati u lill-istampa.
Is-Sur Chalmers tkellem dwar il-punti ewlenin tad-dokument. Hu qal li d-dokument jirrapporta s-sitwazzjoni fil-qasam ta’ l-Edukazzjoni Ogħla, jidentifika l-isfidi ewlenin u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar l-għażliet ta’ policies li jridu jiġu deċiżi. Dan ir-rapport jagħti lill-Gvern bażi tajba u fattwali għal konsultazzjoni wiesgħa ma’ dawk kollha involuti biex jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex is-settur ikompli jikber u jitjieb filwaqt li jibqa` sostenibbli.
Ir-rapport jitkellem dwar il-livell ta’ parteċipazzjoni li f’dawn l-aħħar snin żdiedet b’mod qawwi biex fl-aħħar ħames snin biss in numru ta’ żgħażagħ fl-età ta’ sbatax-il sena li jkomplu jistudjaw żdied minn 43% għal 67%. Madankollu biex pajjiżna jilħaq il-miri li għandu bżonn għall-iżvilupp ekonomiku tiegħu, għad fadal ħafna x’isir partikolarment fil-livell terzjarju u vokazzjonali. ‘Jekk allura, kif kulħadd jaqbel, hemm bżonn li l-ammont ta’ studenti fis-settur post-sekondarju u terzjarju se jkompli jiżdied irridu naraw kif se noħolqu sistema sostenibbli u ta’ kwalità għaż-żmien li ġej.’ Chalmers qal li hemm tlett fatturi li jolqtu l-edukazzjoni ogħla: il-kwalità ta’ l-edukazzjoni li rridu nżommu u ntejbu, l-ammont ta’ studenti, u l-finanzjament meħtieġ. Jekk l-ammont ta’ studenti se jkompli jikber mingħajr ma jkun hemm żieda fil-finanzjament fl-aħħar mill-aħħar se ssofri l-kwalità.
Is-Sur Chalmers qal li għalkemm l-għażliet li għandu quddiemu l-Gvern huma diversi u miftuħa għad-diskussjoni, huwa emfasizza li l-grupp iqisha ċara li mhux possibbli nibqgħu bis-sistemi tal-lum. Hu tenna li l-istituzzjonijiet kollha qed jiffaċċjaw pressjoni finanzjarja minħabba l-ammont dejjem jikber ta’ studenti li qed ikomplu jistudjaw f’livelli ogħla. Chalmers qal li din il-pressjoni ġejja minn suċċess fil-politika edukattiva u mhux għax il-politika qed tfalli. Biex dan is-suċċess ikompli, u pajjiżna jikseb dak li qed jimmira għaliħ, hemm bżonn li ssir reviżjoni tas-sistema.
Ir-Rapport ipoġġi l-kwestjoni f’kuntest usa ’ internazzjonali u jgħid li din l-isfida li għandna quddiemna hi waħda formidabbli anke għal pajjiżi ħafna aktar sinjuri minna.
Ir-Rakkomandazzjonijiet tar-rapport jinkludu fost oħrajn li l-Gvern għandu jimxi lejn sistema ta’ Formula Funding fejn l-ammont ta’ finanzjament li jingħata lill-istituzzjonijiet ikun jirrifletti l-ammont ta’ studenti, il-kwalità li trid tintlaħaq, u l-ispejjeż involuti biex isir il-kors. Jirrakkomanda wkoll li l-istituzzjonijiet jaħdmu aktar biex jiġbdu lejhom finanzjament addizzjonali.
Rakkomandazzjonijiet oħrajn jirrigwardaw l-Għotjiet ta’ Manteniment (Stipendji). Ir-rapport jgħid li dawn għandhom jitqiesu bħala għajnuna soċjali u mhux edukattiva peress li kważi xejn mill-ammont li jingħata jispiċċa fl-istituzzjonijiet edukattivi. Jgħid ukoll li s-sistema trid tiġi kkonsidrata mill-ġdid minħabba l-ammont dejjem jikber ta’ studenti. Huwa fisser li l-istatistika turi li studenti li jiksbu ċertifikati ta’ edukazzjoni ogħla u vokazzjonali normalment jirnexxilhom jaqilgħu aktar flus meta jibdew jaħdmu. Ir-rapport jgħid li l-iskemi li jista` jikkonsidra l-Gvern għandhom jinkludu skemi ta’ self, miżati u għotjiet u għandu jkun hemm element ta’ means testing. Madankollu, fil-konsiderazzjonijiet tiegħu, il-Gvern għandu jżomm il-prinċipji ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ bibien miftuħa għall-edukazzjoni ogħla.
Dwar jekk il-Gvern għandux juża l-finanzjament biex jiggwida lill-istudenti għal xi settur jew suġġett partikolari r-rapport jgħid li filwaqt li hemm lok li dan isir, wieħed għandu joqgħod attent x’jagħmel. Dan għaliex is-suq tax-xogħol jista’ jkun imprevedibbli ħafna u s-suq liberu għandu mod aktar effiċjenti ta’ kif jiggwida lill-istudenti u eventwalment jassorbihom.
Chalmers qal li filwaqt li hu minnu li l-istituzzjonijiet jeħtieġu aktar finanzjament, is-sistemi ta’ awditjar u kontabilità m’humiex adegwati u jeħtieġ li jiġu mibdula. Hu qal li l-istruttura l-ġdida trid twassal biex l-istituzzjonijiet jaraw li l-flus jintużaw b’mod aktar effiċjenti biex jilħu l-iskopijiet tagħhom.
F’diskors qasir li għamel il-Ministru Galea f’għeluq il-laqgħa, hu rringrazzja lis-Sur Chalmers, u lill-grupp, tal-ħidma tagħhom fuq dan id-dokument. Hu qal li d-dokument sar skond it-termini ta’ referenza u fi żmien determinat biex issa l-Gvern jista’ jibda l-konsultazzjoni ma dawk kollha involuti fuq bażi riċerkata u dettaljata. Il-Ministru fakkar li t-tim ta’ Chalmers diġà kellu diskussjonijiet ma’ rappreżentanti ta’ dawk involuti fosthom l-istudenti, unions, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-Oppożizzjoni.
Il-Ministru qal li r-reviżjoni tas-sistema ta’ ffinanzjar tas-settur ta’ l-edukazzjoni ogħla hi waħda importanti li kulħadd għandu jħossu responsabbli minnha. Hu qal li fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkun qed jiddiskuti dan ir-rapport ma’ dawk kollha nvoluti biex isiru l-aħajr deċiżjonijiet u jibdew jitwettqu l-bidliet u l-iżviluppi li hemm bżonn sa mis-sena akkademika li jmiss. Il-Ministru qal li l-Gvern m’hu marbut ma’ ebda rakkomandazzjoni partikolari biex iħalli l-aktar diskussjoni wiesgħa possibbli. Min naħa l-oħra l-Ministru Galea qal li l-Gvern ma jistax jinjora l-fatti u lanqas beħsiebu jieħu miżuri nofs kedda li ma jwasslu imkien.
Louis Galea temm jgħid li r-reviżjoni f’dan is-settur trid twassal biex is-suċċess li ksibna s’issa jkompli għaż-żmien li ġej u l-pajjiż ikompli jibbenefika minn dan is-suċċess. Hu qal li għall-Gvern l-edukazzjoni hi priorità mill-ogħla u li se jibqa` ggwidat mill-prinċipji ta’ aċċess miftuħ għal-livelli post-sekondarji u terzjarji, ta’ edukazzjoni ta’ l-ogħla kwalità, u ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd.
Kopji tar-Rapport jistg]u jinkisbu mill-Customer Care fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol jew inkella min fuq is-sit tal-Ministeru: www.education.gov.mt Il-Ministeru se jilqa’ l-kummenti, suġġeriment u rakkomandazzjonijiet tal-pubbliku u ta’ dawk kollha interessati, jew bil-posta fl-indirizz:
State Higher Education Consultation,
Policy Unit, Ministeru ta’ l-Edukazzjoni Żgħażagħ u Xogħol,
Furjana, CMR 02.
Jew bil-posta elettronika fuq:
communications.moed@gov.mt
pr.1772a.jpg
Report pr1772b pdf
Members Working Groups
DOI 15.11.2004
18.87 Kbytes Last Modified on 15th November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946