MILL-1 TA’ DIĊEMBRU, KULL NEGOZJU SE IKUN JISTA’ JIBQA’ MIFTUĦ SA’ L-10 TA’ FILGĦAXIJA F’KULL ĠURNATA SAS-7 TA’ JANNAR
Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo ħabbar li fiż-żmien tal-Milied, fil-perijodu bejn l-1 ta’ Diċembru u s-7 ta’ Jannar, il-ħwienet jistgħu jibqgħu miftuħa kuljum, inkluż ħdud u festi pubbliċi, sa l-10 ta’ fil-għaxija. Intant, is-Segretarju Parlamentari fakkar ukoll li sakemm jibda dan il-perijodu, il-ħwienet xorta waħda jistgħu jagħżlu ġurnata fil-ġimgħa li fiha jibqgħu miftuħa sa l-10 ta’ filgħaxija.
Fil-fatt, bl-istess emendi li kienu saru fil-liġi li tirregola l-ħinijiet tal-ftuħ u l-għeluq tal-ħwienet, li bihom kien ġie mtawwal il-ħin li fih jistgħu jiftħu n-negozji għal żmien il-festi tal-Milied, kienet ukoll ingħatat l-opportunita’ li kull negozju jiftaħ għal late night shopping f’ġurnata waħda magħżula minn fost il-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt. Permezz ta’ avviż mogħti lit-Trade Licensing Unit, kull negozju jista’ jagħżel ġurnata fil-ġimgħa li fiha jibqa’ miftuħ sa l-10p.m.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fakkar ukoll li nhar ta’ Sibt, in-negozji kollha jistgħu jibqgħu miftuħa sat-8.p.m.
Bl-emendi fil-ligi kienu mtejjba wkoll il-ħinijiet tas-settur tal-Catering, fejn issa kull negozju f’dan is-settur qiegħed jingħata l-opportunita’ li jibqa’ miftuħa sas-1.00a.m.
Il-ħwienet li jbiegħu l-fjuri jew stationery jistgħu jibqgħu miftuħa nhar ta’ Ħadd sas-1.00p.m., filwaqt li dawk li għandhom liċenzja biex ibiegħu prodotti ta’ Garden Centres jistgħu jibqgħu miftuħa wkoll nhar ta’ Ħadd mis-6.a.m. sas-7.p.m.
Negozji li jistgħu jibqgħu miftuħa bla ebda restrizzjoni ta’ ħin huma dawk li jbiegħu prodotti ta’ confectionery, negozji fl-industrija tal-kostruzzjoni, negozji tal-manifattura fiż-żoni industrijali kif ukoll dawk in-negozji li huma konnessi mas-settur tat-turiżmu.
Dwar il-fieri kummerċjali, permezz ta’ l-aħħar emendi li kienu saru, kull entita’ kummerċjali li għandha l-permess ta’ żvilupp għall-multi purpose use mill-MEPA tista’ tapplika għall-permess mit-Trade Licensing Unit li bih tkun tista’ mbagħad terġa’ tapplika għall-permess ta’ fieri kummerċjali. Kull fiera kummerċjali li tinżamm, għandha bżonn permess, u skond ir-regolamenti tal-Pulizija, tista’ tibqa’ miftuħa għal 20 ġurnata konsekuttiva. Wara dan il-perijodu ta’ 20 ġurnata jkun meħtieġ permess mill-gdid.
Ebda negozju liċenzjat bil-liċenzja ta’ retail ma jista’ japplika għall-liċenzja ta’ fiera kummerċjali kif ukoll ebda negozju liċenzjat għar-retail ma jista’ jibqa’ miftuħ meta mhux suppost għal exhibition. L-attivitajiet ta’ exhibition u ta’ bejgħ bl-imnut jistghu jsiru biss minn ċentri kummerċjali li għandhom liċenzja ta’ fiera kummerċjali.
Din l-informazzjoni qegħda tingħata bħala parti minn eżerċizzju li fih is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo qed jippubblika informazzjoni għal kull min qiegħed fin-negozju. Għal iżjed informazzjoni dwar dawn il-ħinijiet, wieħed għandu jara it-tielet skeda ta’ Trading Licences Regulations, 2002.
DOI 12.11.2004
6.73 Kbytes Last Modified on 15th November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946