SPTAR MATER DEI: SPTAR LI JIXRAQ LILL-POPLU MALTI
Il-ftehim li ntlaħaq dwar il-bini ta’ Sptar Mater Dei bejn il-Ministeru tal-Finanzi u Skanska, nhar is-Sibt illi għadda, jikkonferma l-impenn tal-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi li jitlob l-aqwa valur għal kull lira minfuqa filwaqt li jassigura l-aqwa kwalita’ ta’ kura tas-saħħa għall-poplu Malti kollu.
Kif spjegat mill-Prim Ministru nhar it-Tnejn illi għadda fil-Parlament, wara negozjati ntensivi u determinazzjoni assoluta mill-Gvern, il-ftehim milħuq stabilixxa spiża definita ta’ LM139 miljun lira fuq il-kostruzzjoni eżistenti ta’ l-Isptar Mater Dei, filwaqt li l-poplu Malti ser ikun jista’ jibda’ juża dan l-isptar mill-1 ta’ Lulju 2007. Jekk dan ma’ jseħħx, Skanska ser jeħlu penali ta’ Miljun lira fix-xahar, sa’ massimu ta’ 5 Miljun lira. Permezz ta’ dawn in-negozjati l-Gvern iffranka Lm25 Miljun mill-ammont mitlub minn Skanska oriġinarjament fl-estimi tagħha tal-Projected Final Cost.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jikkritika il-fatt illi l-Gvern għandu l-istess kuntrattur għall-bini u għad-disinn ta’ l-isptar minflok żewġ kuntratturi differenti kif kien se jsir fi żmien Gvern Laburista. Dan meta l-esperjenza tal-passat diġa wriet bil-provi illi meta jkollok żewġ kuntratturi differenti jinqala ħafna diżgwid li jispiċċa biex ibatih il-Gvern u finalment il-poplu Malti. Il-fatti llum urew li Skanska kellha bilfors tieħu ir-responsabbilta’ shiha ta dak li għamlet u ma’ setgħetx tagħmel kif għamlet fi żmien il-Gvern Laburista li titlob ħlas aktar għax, skond l-iSkanska, il-kuntrattur mqabbad mill-Gvern dak iż-żmien biex ifassal id-disinni ta’ l-iSptar ma’ għamilx xogħlu tajjeb. Dan kien ta’ ghajnuna biex il-Gvern jiffranka LM25 miljun lira mill-istima li ghamlet Skanska qabel ma bdew in-negozjati mal-Gvern.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jallega wkoll illi s-sistemi ta’ kontroll li ntużaw sa’ llum ħolqu problemi. Għall-kuntrarju il-Gvern isostni illi kieku ma kienux is-sistemi ta’ kontroll preżenti, il-kuntrattur kien ikun ħieles biex joffri il-kwalita’ li jrid u il-prezz li jixtieq. Bis-sistemi ta’ kontroll li għandu il-proġett ta’ l-iSptar Mater Dei ġie assigurat prodott ta’ kwalita’ internazzjonali u prezz raġjonevoli, fejn saħansitra ġew iffrankati miljuni kbar ta’ liri.
Dwar id-data mħabbra, Skanska hija marbuta illi tlesti l-isptar sa’ Lulju 2007 u ma’ dan hemm marbut multi ta’ miljuni ta’ liri. Il-Gvern ukoll xtaq li dan l-isptar ikun lest qabel iżda kien hemm diversi ċirkostanzi li dan ma’ għamluhx possibli. Fost dawn ta’ min isemmi li fl-1997, Gvern Laburista kabbar il-kapaċita’ ta’ l-isptar minn 480 sodda għal 1000 sodda kif ukoll biddel in-natura tiegħu minn wieħed speċjalizzat għal Sptar Ġenerali Akut. Aktar riċenti, id-dewmien fil-għoti tal-kuntratt ta’ l-apparat mediku, minħabba kontestazzjoni u allegazzjonijiet magħmula minn kuntrattur privat, wassal biex il-proġett waqa lura b’diversi xhur. Xorta jibqa’ l-fatt illi bl-intervent tiegħu f’dawn l-aħħar seba’ xhur, il-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi Lawrence Gonzi kiseb għall-poplu Malti dak li Alfred Sant bħala Prim Ministru ma’ rnexxielux jikseb fi tnejn u għoxrin xahar li għamel fil-Gvern.
Il-gvern fiduċjuż li bis–saħħa ta’ dan il-ftehim se jipprovdi sptar ta’ kwalita’ għolja bi spiża anqas. Dan huwa l-isptar li jixraq lill-poplu Malti.
DOI 11.11.2004
6.41 Kbytes Last Modified on 11th November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946