Left arrow Mur Lura

SILTIET MID-DISKORS TA’ L-ONOR TONIO BORG, VIĊI PRIM MINISTRU U MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, FIL-FTUĦ TA’ WORKING SEMINAR ‘VITTMI TAL-KRIMINALITÀ – KUNSILL LOKALI, PAOLA – 11 TA’ NOVEMBRU 2004

PR1751
Date Icon 11/11/2004

Nirringrazzjakom ta’ l-istedina li għamiltuli għal dan is-seminar dwar il-vittmi tal-kriminalità.  Ninsab hawn biex ikun evidenti li l-Gvern iħoss li l-vittmi tal-kriminalità jistħoqilhom l-għajnuna kollha li jista’ jipprovdi l-istat.  Skogan fil-ktieb tieghu “The Impact of Police on Victims” iddiskriva lill-vittmi tal-kriminalità bħala l-“partecipanti minsija” fis-sistema tal-ġustizzja kriminali.  

Illum, bħala servizzi eżistenti għall-vittmi tal-kriminalità nsibu dawk għan-nisa u t-tfal li jiġu abbużati kif ukoll għall-vittmi ta’ l-usura.  Il-Gvern jirrealizza li għalkemm dan żgur li hu pass fid-direzzjoni t-tajba, dawn is-servizzi għall-vittmi huma tassew ftit.  Madanakollu, dan huwa biss il-bidu.  

Però, tajjeb li ngħidu, li għalkemm għad baqa’ xi jsir, il-gvern żgur li ma nesihomx!  Biss biss insemmu l-emendi li saru fil-Kodiċi Kriminali, speċifikament fil-liġi li tirregola l-pulizija.  Twaqqaf il-Bord tal-Pulizija li, fost xogħol ieħor, jinvestiga rapporti ta’ nuqqasijiet f’dak li jirrigwarda t-trattament tal-vittmi tal-kriminalità.  Twaqqfet b’mod uffiċċjali l-iskema tal-protezzjoni tal-vittma/xhieda.  Issa l-vittmi ngħataw id-dritt li jkunu preżenti fis-smigħ tal-kawża li jistgħu jiġu assistiti minn avukat meta qabel ma kellhomx dan id-dritt u li jagħmlu s-sottomissjonijiet meħtieġa dwar pieni wara l-verdett f’ġuri. Issa jistgħu jagħtu xhieda viva voce filwaqt li jiġu mistura mill-akkużat jew inkella li ix-xhieda tagħhom tixxandar fuq monitor fl-awla  - b’xandira diretta minn post fil-viċinanzi.  Dan kollu sar sabiex nuru li għall-Gvern, mhux talli l-vittma tal-kriminalità mhux il-“partecipant minsi” fis-sistema tal-gustizzja kriminali iżda hija r-raguni għalxiex teżisti s-sistema.  

Huwa magħruf li meta persuna tisfa vittma, tgħaddi minn erba’ fażijiet (Crime and its Victims ta’ E C Viano) :  Eżatt kif issofri l-att kriminali, il-vittma tiġi trawmatizzata u taqa’ f’xokk.  Fit-tieni stadju, il-vittma tirrealizza x’ġara u taċċetta l-fatt li sfat vittma.  L-istadju li jmiss huwa dak kruċjali … meta l-vittma tiddeċiedi jekk tieħux passi u jekk iva, x’passi tieħu.  Għalhekk huwa fit-tielet stadju li l-vittma tiftaħ qalbha ma’ xi ħadd viċin tagħha u tieħu parir: tmur għand il-pulizija? Tagħmel rapport?  Naturalment, hawn jiddependi fuq il-fiduċja fil-pulizija!  Fl-aħħar stadju, il-vittma tiġi rikonoxxuta mis-soċjetà u tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Jidher fiċ-ċar li l-pulizija għandha rwol qawwi fejn jidħol it-trattament tal-vittmi tal-kriminalità.  Il-pulizija huwa l-ħolqa bejn il-vittma u l-istat.  Għalhekk għandu responsabbiltà qawwija.  Riċerka li saret dan l-aħħar fi ħdan l-Istitut ta’ l-Istudji Forensiċi (Università ta’ Malta) tagħti dawn l-indikazzjonijiet:  

·     Il-maġġoranza tal-pulizija Maltin jemmnu li l-vittmi tal-kriminalità  jistħoqqilhom l-importanza kollha.  

·     Il-maġġoranza tal-pulizija Maltin huma konxji li l-vittmi tal-kriminalità mhumiex soddisfatti bl-aġġornamenti li suppost jingħataw fuq il-każijiet tagħhom …. wara li jirraportaw.  

·     Il-maġġoranza tal-pulizija Maltin jemmnu li l-pulizija għandhom dejjem iżommu l-vittmi infurmati dwar il-każ tagħhom.   

·     Il-maġġoranza tal-pulizija Maltin jemmnu li l-għajnuna lill-vittmi tal-kriminalità hija importanti u jistqarru ukoll li l-pulizija ta’ Malta dan temmnu ukoll anka bħala organizzazzjoni.  

·     Il-maġġoranza tal-pulizija Maltin jixtiequ iktar taħrig dwar kif huma għandhom jittrattaw il-vittmi u jixtiequ li dan it-taħrig jiġi pprovdut b’mod professjonali.  

Għalhekk jidher ċar li, minn naħa tal-pulizija Maltija, hemm ir-rieda sabiex jitjieb is-servizz li jingħataw il-vittmi tal-kriminalità.  Ma rridux ninsew li fi ħdan il-Korp tal-Pulizija kien ġie mwaqqaf il-Victim Support Unit, intenzjonat għall-vittmi tal-kriminalità.  Huwa veru li sfortunatament din is-sezzjoni tiġi ikkunsidrata minn ħafna bħala r-rifuġju biss tal-vittmi tal-vjolenza domestika.  Filwaqt li nemmen li dawn ukoll huma vittmi ta’ atti kriminali, nemmen li l-vittmi l-oħra għandhom jingħataw l-importanza li tistħoqqilhom ukoll.  Għalhekk hija x-xewqa tiegħi li nara s-servizzi għall-vittmi kollha tal-kriminalità jitjiebu u jitkattru.   

Ma rridux ninsew li l-Qrati wkoll jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-vittmi.  B’sentenzi tal-Probation u ta’ Sentenza Sospiża l-qorti għandha l-opportunità li tordna kumpens lill-vittmi tal-kriminalità.  Il-vittmi tal-kriminalità jingħataw ukoll attenzjoni partikolari mis-servizz tal-Probation meta dawn jitqabdu jagħmlu rapport ta’ qabel is-sentenza.  Hawnhekk il-vittma jkollha l-opportunità li tgħid dak li tħoss kemm fuq ir-reat li sfat vittma tiegħu kif ukoll tagħti l-opinjoni tagħha fuq l-aħjar sentenza li tista’ tingħata lill-akkużat.  

Kif għidt fil-bidu, il-vittmi tal-kriminalità tistħoqqilhom l-għajnuna kollha – psikologika u materjali - li tistà tiġi pprovduta lilhom.  Kif diġà wera, il-gvern huwa kommess li jgħin sabiex il-vittmi tal-kriminalità jiġu pprovduti bis-servizzi kollha neċessarji.  

DOI  11.11.2004

17.36 Kbytes Last Modified on 11th November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow