EDUKAZZJONI – IĊ-ĊAVETTA GĦAX-XOGĦOL
Waqt diskussjoni li ttellgħet bħala parti mill-Konvenzjoni tal-Karrieri li qed issir fl-Università mill KSU u mill-AIESEC il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea tkellem dwar l-importanza ta’ l-edukazzjoni għad-dinja tax-xogħol ta’ llum u t’għada. Hu qal li l-istudenti llum iridu jgħarrfu l-bidliet li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol u jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu imħejjija sew. Hu qal li filwaqt li l-edukazzjoni formali u ċ-ċertifikati huma importanti ferm, l-istudenti jridu jaraw ukoll li jkollhom firxa wiesgħa ta’ ħiliet li normalment jinkisbu permezz ta’ l-edukazzjoni informali u l-attività fl-istituzzjoni edukattiva fejn ikunu qegħdin jew fil-komunità.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-ħidma biex tibda reviżjoni tas-sistema ta’ gwida u pariri għall-karrieri, tnieda l-Euroguidance Forum bl-iskop li l-imsieħba kollha f’dan il-qasam jaqsmu bejniethom l-informazzjoni li għandhom u b’hekk joffru servizz ta’ gwida aktar tajjeb u effettiv dwar karrieri f’pajjiżna u f’pajjiżi ta’ l-UE. Dwar jekk għandniex inkunu aktar aggressivi fil-mod kif niggwidaw lill-istudenti hu qal li rridu noqogħdu attenti ħafna. Għalkemm ma jkunx tajjeb li jkun hemm ammonti kbar ta’ gradwati f’suġġetti li forsi m’hawnx ħafna domanda għalihom ma jfissirx li għandna nillimitaw l-ammont ta’ studenti li jidħlu għal dawn il-korsijiet. L-ewwel nett għaliex tiżdied il-kompetizzjoni u titjieb il-kwalità tal-gradwati, it-tieni għax wieħed m’għandhux jitgħallem biss għall-job imma l-edukazzjoni tagħtik ferm aktar, u t-tielet għax l-ekonomija u s-suq tax-xogħol għandhom mod awtomatiku ta’ kif jevolvu u jaġġustaw ruħhom biex jassorbu dawk li jkunu bla xogħol. Hu qal li per eżempju, meta kien hawn numru kbir ta’ għalliema ta’ l-Ingliż li kienu qed jiggradwaw għalkemm fl-iskejjel wasalna għal saturation point żviluppa l-qasam tat-tagħlim ta’ l-Ingliż għall-barranin li wassal biex inħoloq settur ġdid fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Għalhekk kien ikun żball kieku xi żmien ilu llimitajna l-aċċess għall-kors ta’ l-Ingliż. ‘Li hemm bżonn hu sistema ta’ gwida u pariri biex l-istudenti kemm jista’ jkun minn kmieni jibdew jagħmlu l-aħjar għażliet għall-karriera li jridu jsegwu u fl-istess ħin irridu naraw li l-istudenti ma jitgħallmux biss suġġett imma jitgħallmu kif jitgħallmu u jkunu lesti jkomplu l-edukazzjoni tagħhom tul ħajjithom kollha.’
Il-Ministru Louis Galea tkellem ukoll dwar il-Pjan Nazzjonali għall-Impjiegi li fost affarijiet oħra jittratta l-bżonn li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol u kif trid tiżdied il-popolazzjoni ta’ l-istudenti fil-livelli għola ta’ l-edukazzjoni u x’programmi hemm bżonn għal dawk li qed ifittxu x-xogħol.
Il-Ministru semma’ wkoll ir-Reviżjoni tas-sistema tal-MATSEC li l-iskop tagħha hu li jkun stabbilit kemm dawn l-eżamijiet qed jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-istudenti u tal-pajjiż. Skop ewlieni tar-reviżjoni hu li jinstab mod kif kull student fl-aħħar ta’ l-edukazzjoni obbligatorja jkollu ċertifikazzjoni li juri x’ħiliet u x’kapaċitajiet kiseb l-istudent tul is-snin fl-iskola.
Meta mistoqsi dwar il-qagħad fost il-gradwati l-Ministru qal li fil-fatt in-numru ta’ gradwati li qed ifittxu x-xogħol hu minimu u fil-fatt il-parti l-kbira ta’ dawk li se jiggradwaw dan ix-xahar diġà sabu impjieg. Hu tenna li l-Gvern irid ikompli jżid in-numru taż-żgħażagħ li jkomplu bl-edukazzjoni f’livelli ogħla. Hu qal li biex nilħqu l-miri ta’ Lisbona, il-pajjiżi membri ta’ l-UE, iridu jaraw li sa l-2010 ikun hemm 85% taż-żgħażagħ li għandhom 22 sena b’livell post-sekondarju ta’ edukazzjoni. Fil-preżent Malta għad għandha biss 47.5% ta’ żgħażagħ li jkomplu sa dan il-livell. Mira oħra hi li 12.5% mill-popolazzjoni ta’ bejn il-25 u l-64 iridu kunu nvoluti fl-Edukazzjoni tul il-Ħajja. F’Malta bħalissa il-persentaġġ huwa biss ta’ 3.2%.
Meta tkellem dwar l-istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji hu qal li fl-Università n-numru ta’ studenti issa tela’ għal kważi 10,000 li jinkludi madwar 750 student barrani minn 80 pajjiż differenti. Filwaqt li ggradwaw ma’ l-2000 student, daħlu madwar 3000 student ieħor fil-bidu tas-sena akkademika. Hemm aktar minn 3000 student ieħor fil-Junior College. Sadattant fl-MCAST l-ammont ta’ studenti Full-Time issa tela’ għal 3500 u hemm ukoll madwar 1000 student part-time. L-MCAST żied tlett istituti ġodda, dak ta’ l-Inġinerija Mekkanika, dak tal-Kura fil-Kommunità u dak ta’ l-Agrikummeċ. Il-kulleġġ żied il-firxa u l-livelli tal-korsijiet offruti u issa l-istudenti jistgħu jaslu sal-livell ta’ Higher National Diploma, livell wieħed biss ’il bogħod minn Degree. L-MCAST żied il-korsijiet u s-servizzi ta’ appoġġ għal dawk b’livelli bażiċi ta’ edukazzjoni kif ukoll għal dawk li għandhom diffikultajiet fl-edukazzjoni. Fl-MCAST qed isir investiment kapitali ta’ aktar minn Lm 1.5 miljun bl-iskop li jitjiebu l-faċilitajiet għall-istudenti. F’Għawdex żdiedu l-programmi u l-faċilitajiet. Il-Kulleġġ qed jipparteċipa f’diversi programmi ta’ skambju partikolarment permezz tal-Programmi ta’ l-UE u qed jiżviluppa wkoll sħubija ma’ istituti barranin u kumpaniji Maltin bħal Malta Freeport. Dan kollu qed ikompli jsaħħaħ il-qasam post-sekondarju u terzjarju b’aktar opportunitajiet ta’ edukazzjoni f’livelli differenti.
Il-Ministru temm jgħid li l-istudenti għandhom ukoll iħarsu lejn l-opportunitajiet li toffri l-UE kemm fit-taħriġ kif ukoll meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Hawn il-Ministru semma l-għajnuna li se jirċievi pajjiżna mill-Fond Soċjali Ewropew biex jissaħħu diversi istituzzjonijiet u programmi edukattivi li jlaħħqu qrib il-miljun lira.
DOI 11.11.2004
10.78 Kbytes Last Modified on 11th November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946