Left arrow Go Back

SILTIET MID-DISKORS TAL-GĦELUQ TA’ L-ONOR. JESMOND MUGLIETT, MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP URBAN U TOROQ, WAQT IL-FORUM GĦALL-KLIJENTI TAD-DIRETTORAT GĦAT-TREĠIJA TAT-TRAFFIKU TA’ L-ADT – SAN ĠILJAN – 10.11.2004

PR1744
Date Icon 10/11/2004

L-ewwel nett nixtieq nibda billi nirringrazzjakom talli lqajtu l-istedina ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport biex tieħdu sehem fil-Forum tal-lum. L-għan prinċipali ta’ din il-laqgħa huwa li flimkien niddiskutu prinċipji tat-traffiku li jservu ta’ ġid għaċ-ċittadin – prinċipji li ewlenin fosthom hemm iż-żieda fis-sigurtà fit-toroq tagħna u t-tnaqqis ta’ l-inċidenti tat-traffiku. Il-preżenza tagħkom hawn turi l-impenn ċar li għandkom lejn dan l-għan.  

Fl-ewwel laqgħa fuq livell internazzjonali li kelli wara li kont appuntat Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq f’Marzu li għadda kienet f’Dublin għall-iffirmar ta’ l-European Road Safety Charter minn numru ta’ stakeholders li b’xi mod jew ieħor imissu mas-sigurtà fit-toroq. L-ispirtu ta’ dik l-okkażjoni kien li kulħadd għandu kontribuzzjoni x’jagħti biex jitnaqqsu l-perikli fit-toroq.  

Minkejja li Malta għandha l-anqas rata ta’ fatalitajiet f’inċidenti relatati mat-traffiku fl-Ewropa – madwar 40 f’kull miljun, ir-rata ta’ inċidenti tat-traffiku mhux fatali hija ogħla mill-medja Ewropea. Dan ifisser li għad hemm ħafna xogħol xi jsir biex intejjbu l-istandards tas-sigurtà fit-toroq tagħna, speċjalment f’dak li huwa s-sewqan, l-edukazzjoni tas-sewwieq, l-infurzar tar-regolamenti tat-traffiku u t-titjib fl-infrastruttura tat-toroq.  

Il-missjoni tal-Gvern fl-erba’ snin li ġejjin se tkun li jagħmel it-toroq tagħna anqas perikolużi għal kulħadd – sewwieqa, passiġġieri jew dawk mexjin fihom. M’hemmx dubju li miżuri reċenti bħall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ punti għas-sewwieqa kollha, titjib fl-istandard tat-test tas-sewqan, l-ilbies obbligatorju tas-seat belts fuq is-seats ta’ wara, kif ukoll ix-xogħol estensiv li qed isir fl-upgrading tat-toroq arterjali u distributorji bil-fondi tal-Protokoll Taljan ser jgħinu mhux ftit biex din il-mira tintlaħaq.  

Il-Gvern Ċentrali ma jistax jilħaq din il-mira waħdu. Kif għedt kulħadd għandu kontribuzzjoni x’jagħti biex jitnaqqsu l-perikli fit-toroq. Iċ-ċavetta tinsab fl-edukazzjoni tal-poplu dwar kif għandu juża t-toroq u kif nużaw ir-regolamenti tat-traffiku u l-infurzar tagħhom għal dan l-għan. Il-Kunsilli Lokali huma ħolqa importanti f’dan il-proċess u huwa għalhekk li d-Direttorat tat-Traffic Management iħares lejn il-Kunsilli Lokali bħala sħab importanti.  

Dan il-forum jservi proprju biex din is-sħubija tissaħħaħ permezz tad-djalogu.  

Id-Direttorat għat-Treġija tat-Traffiku għandu rwol importanti bħala regolatur, iżda daqstant importanti huwa r-rwol tagħkom biex jkunu mplimentati r-regoli u l-istandards li joħorġu.  

Il-funzjoni ewlenija tal-linji gwida li ġew ippreżentati llum hija li tkun eliminata l-inkonsistenza fis-sinjali tat-traffiku, li hi x’aktarx waħda mill-kawżi ewlenin ta’ frustrazzjoni għas-sewwieqa. L-istandards iridu jkunu attwati b’mod kostanti. Naturalment dawn il-linji gwida m’humiex imnaqqxin fil-ġebel, u jekk ikun hemm bżonn jiġu aġġustati, dejjem bl-għajnuna tagħkom.  

L-ADT ser tieħu in konsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet kollha li saru dal-għodu biex tfassal ir-rapport finali li jkun iservi biex tiġi żgurata konsistenza fix-xogħol kwotidjan kemm ta’ l-Awtorità kif ukoll tal-Kunsilli.  

Il-Kunsilli Lokali huma dawk illi imissu l-aktar direttament maċ-ċittadin. Dan jagħmilhom kanal importanti biex mill-infurzar tar-regolamenti naslu għall-edukazzjoni. Il-perċezzjoni ta’ hemm barra hija li l-infurzar mill-Kunsilli Lokali u mill-Pulizija qed isir biss biex jinfdew l-ispejjeż tal-Gwardjani Lokali. Hemm ħtieġa urġenti li din il-perċezzjoni tinbidel u dan jista’ jseħħ biss meta l-infurzar jibda jsir fejn hemm bżonnu, m’hux biss f’postijiet li huma konvenjenti. Hemm bżonn inħarsu fit-tul u għandna bżonn lilkom, il-Kunsilli Lokali biex nidderiġu lill-gwardjani dwar fejn hemm bżonn li jsir l-infurzar.  

Xtaqt inmiss ftit fuq ir-riforma tat-trasport pubbliku, għalkemm din ma taqax taħt ir-responsabbilità tad-Direttorat għat-Treġija tat-Traffiku. Bħal ma tafu, ix-xahar li għadda kien iffirmat ftehim mas-sidien tal-karozzi tal-linja. L-iffirmar tal-ftehim bl-ebda mod ma jfisser li r-riforma waqfet hemm. Anzi, dan il-ftehim huwa l-pedament tar-riforma radikali tas-servizz li ser tkun diskussa s-sena d-dieħla. Irrid nisħaq fuq l-importanza li l-Kunsilli Lokali għandhom f’dan il-proċess. Intom għandkom kuntatt dirett maċ-ċittadin u intom tafu l-bżonnijiet tal-komunitajiet tagħkom aħjar minn kulħadd. Għalhekk inħeġġiġkom tkunu parteċipi f’din ir-riforma.  

Fl-aħħar nett intemm b’appell. Sfida importanti bħat-tnaqqis ta’ l-inċidenti tat-traffiku fit-toroq hija waħda li ma tħallix lok għall-diżgwidi bejn l-awtoritajiet ċentrali u l-gvernijiet lokali. Ejjew għalhekk insaħħu s-sinerġija li diġà teżisti bejnietna biex din l-isfida nirbħuha.

DOI  10.11.2004

12.37 Kbytes Last Modified on 10th November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow