IL-KWESTJONI MAL-PSIKOLOĠISTI FL-EDUKAZZJONI
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni mhux lest li jikkonsidra t-talbiet għal allowances tal-Unjoni tal-Psikoloġisti qabel il-persuni li qed jagħtu servizz f’dan il-qasam jibdew jaħdmu l-ħinijiet normali ta’ xogħol kif jaħdmu l-psikoloġisti l-oħra mal-Gvern. Barra minn hekk il-Ministeru qed jikkonsidra x’passi jieħu skond il-liġi jekk l-Unjon tinsisti fuq id-direttivi tagħha.
Il-fatti dwar din it-tilwima huma kif ġej:
Xi snin ilu, wara sejħa pubblika, numru ta’ għalliema ntgħażlu biex jagħmlu kors universitarju biex jitħarrġu bħala psikoloġisti fil-qasam edukattiv u ntrabtu li jaħdmu bħala psikoloġisti mal-Gvern fil-qasam ta’ l-edukazzjoni. Wara li ngħataw il-ħatra, il-persuni konċernati ippretendew li, minkejja li saru psikoloġisti mal-Gvern, jibqgħu jaħdmu l-istess ħinijiet li kienu jaħdmu meta kienu għalliema, inkluż il-vaganzi tal-Milied, tal-Għid u tas-Sajf.
Kulħadd faċilment jifhem li l-problemi psiko-soċjali ta’ l-istudenti u t-tfal ma jiqfux mat-tokk tal-vaganzi jew il-ħinijiet ta’ l-iskola. Imkien fis-sejha ta’ l-applikazzjoni relattiva ma kien hemm xi kondizzjoni jew wegħda li l-ħinijiet tax-xogħol tal-psikoloġisti tal-Gvern fil-qasam ta’ l-edukazzjoni huma differenti mill-ħinijiet tax-xogħol tal-psikoloġisti tal-Gvern fl-oqsma tas-saħħa, dak soċjali u oqsma oħra. Il-psikoloġisti mal-Gvern jaħdmu s-sigħat normali ta’ l-uffiċċju bħall-ħaddiema l-oħra tal-Gvern. Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni jinsisti li m’għandux bżonn psikoloġisti li jieqfu jaħdmu fis-2.30 pm, bin-nofs ta’ nhari li jibdew fil-bidu ta’Gunju, u b’xhur ta’ vaganzi matul is-sena.
Din il-kwestjoni issa twalet wisq u l-Ministeru jrid li tiġi deċiża favur it-tfal u l-istudenti u fir-rispett tal-kondizzjonijiet tax-xogħol kif stabbiliti għall-kategorija ta’ uffiċjali pubbliċi li fi ħdanhom jaqgħu il-psikoloġisti mal-Gvern.
Il-psikoloġisti edukattivi jkunu qed juru nuqqas serju ta’ sensittività professjonali jekk bħala azzjoni industrijali jiddeċiedu li jolqtu studenti li jkollhom bżonn provvediment speċjali għal żmien l-eżamijiet.
DOI 09.11.2004
10.7 Kbytes Last Modified on 09th November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946