Left arrow Mur Lura

IL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI JIBQA JIPPERSISTI FIT-TATTIKA TIEGĦU LI JINNEGA L-VERITÀ TAL-FATTI

PR1735
Date Icon 08/11/2004

L-Onor. Alfred Sant u l-media li tappoġġja l-Partit tal-Oppożizzjoni komplew bil-kampanja ta’ misinformazzjoni tagħhom li qed tkun xhieda tan-nuqqas ta’ rispett lejn l-intelligenza tal-pubbliku.  

Il-Kap tal-Oppożizzjoni hu kkwotat jgħid li “fi Frar ta’ din is-sena ħadu pussess ta’ l-ishma kollha fil-port ta’ Brindisi għas-somma ta’ Lm150,000.” (Fi tliet snin intilfu ħafna flus fuq il-proġett ta’ Brindisi, Kull Ħadd, 07.11.2004). Dr. Alfred Sant hu wkoll ikkwotat jgħid li “l-Ministru Austin Gatt u l-Prim Ministru Lawrence Gonżi ipprovaw fost l-oħrajn iħawwdu fuq dak li qal hu nhar il-Ħadd li għadda fuq l-investiment ta’ Lm4 miljun li sar fi Brindisi f’Awissu li għadda.” (Il-Gvern qed iġorr garanziji fuq il-proġett fallut ta’ Brindisi li l-poplu ma jafx bihom – Dr Alfred Sant, Malta Labour Party, 07.11.2004).  

Il-verità sagrosanta hi li hu Dr. Alfred Sant li qed ibiddel dak li qal hu stess nhar il-Ħadd li għadda kif xeheduh il-media li tappoġġjħ.  

Il-maltastar.com, il-gazzetta elettronika tal-Partit ta’ l-Oppożizzjoni fil-ħarġa ta’ nhar it-2 ta’ Novembru 2004 tirrapporta “BOV has rebutted the allegation made by Minister Austin Gatt, that the information Labour leader Alfred Sant has about the Malta Freeport’s purchase of shares in the loss making BTI came from the bank.”  

Is-Super One TV f’rapport li xandar waqt l-aħbarijiet tas-7.30 ta’ fil-għaxija jgħid “Mistoqsi dwar dak li qal il-Ministru Gatt, Sant sostna li qal il-Ħadd li għadda: dwar il-każ ta’ l-erba’ miljuni kompla billi qal li l-Gvern biex jagħmel tajjeb għax-xiri ta’ l-ishma kollha fi Brindisi Terminal f’Awissu li għadda l-Gvern nefaq €10 miljun oħra f’dan il-port. Flus li l-Gvern issellef mill-BOV.” Il-Gvern għandu f’idejh recording ta’ din ix-xandira, jekk Dr. Alfred Sant jixtieq jivverifika kif irrappurtatu l-media tal-Partit tiegħu stess.  

L-orrizzont, f’rapport li jidher fl-4 ta’ Novembru 2004, fl-ewwel faċċata tgħid: “Dan wara li f’attività soċjali nhar il-Ħadd li għadda fil-Mellieħa, Alfred Sant akkuża lill-Gvern li f’Awissu li għadda l-Freeport Terminal ( Malta ) xtara l-ishma tal-Brindisi Terminal għas-somma ta’ Lm4 miljun meta kulħadd jaf li dan il-port huwa fallut.”  

Wara dan kollu, Dr. Alfred Sant qed jgħid li qatt ma qal li l-Gvern xtara l-ishma għal Lm4 miljun.  

Dr. Sant il-bieraħ qal ukoll li “l-fatti iżda jibqgħu li f’Awissu l-Gvern ta’ Gonzi investa Lm4 miljun fil-port fallut ta’ Brindisi .”  

Għal darb’oħra l-Gvern itenni dak li stqarr sitt darbiet matul il-ġimgħa li għaddiet, li l-Freeport Terminal ( Malta ) qed tibdel minn bank Taljan għal bank Malti il-finanzjament tas-self li għamlet Brindisi Terminal Italia spa biex tixtri l-makkinarju. Dan biex ikun possibbli li s-self jitħallas b’pass aktar komdu għall-Malta Freeport u b’hekk jinqatghu l-exposures li ghandha l-Brindisi Terminal Italia s.p.a.  

Dr. Alfred Sant il-bieraħ qal ukoll “li l-Gvern b’xi mod jew ieħor qed iġorr garanziji oħra fuq il-proġett ta’ Brindisi u l-poplu ma jafx bihom.”  

Din hi ħlieqa ġdida wara l-qlajjiet li saru minn nhar il-Ħadd li għadda ‘l hawn li tilfu kull kredtu.  

Il-Gvern jixtieq jistqarr, għas-sodisfazzjon tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni wkoll, li mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-lum, ħareġ tlettax-il ittra ta’ garanzija. Minbarra l-garanzija għal self li Dr. Sant ħaseb li ntefaq biex jinxtraw l-ishma ta’ Brindisi Terminal u wara ammetta li żelaq fin-niexef, il-Gvern ma ta ebda garanzija oħra fuq self tal-Malta Freeport .  

Dr. Alfred Sant il-bieraħ qal ukoll li “il-propoganda tal-Gvern ipprovat torbot ir-riżenja tas-Sur Joseph FX Zahra mal-fatt li s-sur Zahra ħa għalih għaliex kien hemm xi ksur ta’ kunfidenzjalità minn naħa tal-Bank of Valletta .”  

Kien  Dr. Alfred Sant li għamel din ir-rabta bla bażi. Il-Partit Laburista fi stqarrija (Il-Prim Ministru fid-dmir li jikkonferma li l-flejjes investiti fi Brindisi tpoġġew hemm b’finijiet tajba – Dr Alfred Sant, 05.11.2004) qal “biex jipprova jiżvija l-attenzjoni, qal Dr Sant, il-Ministru Gatt ipprova jwaħħal f’xi abbuż ta’ kunfidenzjalità min-naħa tal-Bank of Valletta . Il-Mexxej tal-Oppożizzjoni staqsa jekk din l-akkuża kellhiex xi rabta mar-riżenja ħesrem taċ-Chairman tal-Bank of Valletta , is-sur Joseph FX Zahra.”

Wara din l-istqarrija, il-Gvern għamel l-oppost li akkużah li għamel Dr. Alfred Sant, u kkjarifika fi stqarrija (Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jippersisti fil-Qerq (IV), 05.11.2004) li “rigward l-osservazzjonijiet dwar ir-riżenja taċ-Chairman tal-Bank of Valletta, il-Gvern jixtieq biss jiġbed l-attenzjoni tal-Kap ta’ l-Oppożizjoni li l-ittra tar-riżenja tas-sur Joe FX Zahra (li l-Gvern ippubblika) iġġib data aktar kmieni minn meta Dr Sant beda jagħmel l-interpretazzjonijiet ħżiena rigward it-tranżazzjoni bankarja t’Awissu li għadda. M’hemm ebda raġuni għalfejn il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jaħseb li ż-żewġ affarijiet għandhom x’jaqsmu.”  

Fit-tkomplija tas-sensiela spekulattiva tagħha dwar dan il-każ, Kull Ħadd ( Brindisi : il-kobba tkompli titħabbel) terġa’ tikkwota “imkejjen bankarji” bħala l-bażi ta’ l-informazzjoni żbaljata li jidher li għandha. Il-gazzetta tal-Partit tal-Oppożizzjoni tirrapporta li “l-Gvern daħal għal djun ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ Euros ma’ banek Taljani fuq il-kumpanija BTI” u li “l-banek Taljani bdew jinsistu li jekk il-Gvern Malti ma joħroġx aktar kapital għall-kumpanija BTI, kienu se jsejjħu l-garanziji. B’hekk il-Gvern Malti kien se jkollu jħallas l-għexieren ta’ miljuni ta’ Euros direttament huwa.”  

Minbarra li jiċħad din l-informazzjoni żbaljata, il-Gvern jixtieq għal darb’oħra jiġbed l-attenzjoni tal-Partit tal-Oppożizzjoni li dak li qed jispekula dwaru, kien diġà spjegat b’mod ċar u fid-dettall mill-Gvern. (Il-Malta Freeport u t-Terminal ta’ Brindisi: Sħubija mwellda taħt Gvern Laburista, 01.11.2004).  

Għas-sodisfazzjoni tal-Partit tal-Oppożizzjoni, il-Gvern qed itenni x’ġara tassew biex tkun iċċarata il-misinformazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u l-media li tappoġġjah.  

“F’Novembru 2000, Brindisi Terminal Italia spa issellfet €10.7 miljun biex tkun tista’ tixtri l-appart hekk kif kien mistenni minnha skond il-konċessjoni li ngħatatilha. Dan is-self għamlu tajjeb għalih kemm il-Freeport Terminal (Malta) plc kif ukoll Papalini srl. Il-Gvern Malti ma ta ebda garanzija fuq dan is-self.  

“F’Novembru 2002, wieħed mill-banek ta’ Brindisi Terminal Italia spa (Monte dei Paschi di Siena) kiteb direttament lill-Malta Freeport biex jgħidilhom li Brindisi Terminal Italia sps kienet waqgħet lura fil-pagamenti. Il-Freeport Terminal (Malta) plc s’issa ma kien ingħata ebda indikazjoni mill-management ta’ Brindisi Terminal Italia sps li kien hemm dan it-tip ta’ diffikultajiet finanjarji.  

“F’Ġunju 2003, ħabta u sabta u mingħajr avviż, is-sid maġġoritaju ta’ Brindisi Terminal Italia spa, Papalini srl, ġie dikkjara fallut. Dan fisser li l-garanziji kollha li ngħataw lill-banek għas-self ta’ Brindisi Terminal Italia spa, li jammontaw għal €26.7 miljun, ġew responsabbiltà tal-Freeport Terminal (Malta) plc.  

“Fi Frar 2004, biex tissalvagwardja l-interessi tagħha, Freeport Terminal (Malta) plc xtrat l-ishma li Papaplini srl kellha fil-Brindisi Terminal Italia spa għas-somma ta’ €351,000, li jammontaw għal 10% tal-valur nominali ta’ dawn l-ishma. Li kieku l-Malta Freeport ma xtratx mingħand il-likwidatur l-ishma li kellu Papalini srl, il-Brindisi Terminal Italia spa kienet tiġi dikkjarata falluta. Li kellu jiġri hekk, il-Malta Freeport kien ikollha tħallas l-ammonti garantiti lill-banek ta’ Brindisi Terminal Italia spa, jiġifieri jkollha tħallas madwar €26.7 miljun f’daqqa waħda.  

“Minħabba li l-Freeport Terminal (Malta) plc xtrat dawn l-ishma, dawn l-exposures ta’ €26.7 miljun qed jitħallsu b’pass ħafan anqas gravi. Dawn il-ħlasijiet m’humiex investiment ġdid tal-Freeport Terminal (Malta) plc, iżda ħlasijiet dovuti lill-banek fuq self li ngħatat Brindisi Terminal Italia sps biex setgħet tixtri l-apparat u l-makkinarju biex topera. Barra minn hekk dawn il-ħlasijiet qegħdin jaqtgħu mill-exposures li jħallsu l-Brindisi Terminal Italia spa.  

“Bħalissa l-Freeport Terminal (Malta) plc għaddejja bil-ħidma tagħha biex tbiegħ sehema fil-Brindisi Terminal Italia spa. Dan qed isir, għax il-Brindisi Terminal Italia spa, m’għadhiex fil-pjanijiet strateġiċi tal-Malta Freeport Corporation, wara li l-privatizzazzjoni tal-Malta Freeport Terminal Ltd.”  

Din l-informazzjoni ilha pubblika minn nhar l-1 ta’ Novembru 2004, u Dr. Alfred Sant u l-media li tappoġġjaħ qed jinjorawha biex jagħmlu spekulazzjoni mingħajr bażi.Aktar minn hekk din l-informazzjoni ilha ghand il-Kap ta’ l-Oppozzizzjoni u l-Membri Parlamentari kollha ghal xahar shih. Iżda jidher li dak li qed isir hu spekulazzjoni tal-fatti għal gwadann politiku.

DOI - 08.11.2004

20.9 Kbytes Last Modified on 08th November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow