Left arrow Mur Lura

DISKORS TA’ L-ONOR. EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAN-NEGOZJI ZGĦAR U S-SELF-EMPLOYED, FIL-FTUĦ TAL-KONFERENZA “ENTREPRENEURSHIP AND INNOVATION IN MANAGEMENT” ORGANIZZATA MILL-MALTA INSTITUTE FOR MANAGEMENT – SAN ĠILJAN – 5 TA’ NOVEMBRU 2004

PR1727
Date Icon 05/11/2004

Nixtieq nibda billi nsellem lilkom kollha li qegħdin tattendu għal din il-konferenza.  Nagħtikom merħba u nawguralkom is-suċċess li tixtiequ.  

Ippermettuli nawgura suċċess ukoll lil dawk kollha li jiddependu mid-deċiżjonijiet li intom, li qegħdin tipparteċipaw f’din il-konferenza, tistgħu tieħdu fil-ħidma tagħkom.  

Nirreferi għall-kelma ‘ħidma’, għaliex iżjed ma jgħaddi ż-żmien, iżjed qed nintebaħ bil-ħtieġa li f’pajjiżna nagħtu aktar valur lill-imprenditorija fil-ħidma tagħna biex din tagħmel differenza fil-mod ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet.  Għalhekk f’dan l-intervent tiegħi ippermettuli li nirreferi għal numru ta’ sitwazzjonijiet li niltaqa’ magħhom u fejn nara ħtieġa ta’ għarfien għal aktar sens t’imprenditorija u innovazzjoni sabiex f’pajjiżna jinħolqu impjiegi ġodda.  

Fil-fehma tiegħi konferenza bħal din ma tkunx suċċess kemm-il darba ma twassalx biex tqanqal deċiżjonijiet ta’ bidliet fil-proċeduri u użanzi li sa llum għadna nużaw.  B’hekk niżviluppaw l-aħjar mentalita’ li permezz tagħha nistgħu innaqqsu mill-burokrazija żejda li tinħoloq maż-żmien.  

Ippermettuli nirreferi immedjatament għall-kelma “bidliet” għaliex mill-esperjenza tiegħi qed ninnota li f’pajjiżna qegħdin insiru tqal meta niġu biex naġġornaw il-proċeduri tagħna.  Dan għaliex ħafna drabi qed insibuna komdi li f’ċertu proċeduri ma nqanqlu l-ebda bidla.  

Jiena nara li f’pajjiżna qed tissawwar mentalita’ li biha numru ta’ persuni jfittxu li jistabbilixxu posthom fil-grad u l-uffiċċju li jkunu fih.  Hekk jaraw kif isalvaw l-status quo li jkunu ħalqu għalihom stess biex igawdu u jiggarantixxu l-post tax-xogħol.  

Dan l-atteġġjament narah f’diversi personalitajiet fi gradi għoljin, bħal lecturers fl-Universita’, kif ukoll uffiċjali f’Awtoritajiet u Dipartimenti tal-Gvern.  Il-biża’ tiegħi hija li dan il-virus ta‘ status quo qiegħed jittieħed minn managers f’entitajiet ta’ negozji privati wkoll.  

Personalment nemmen li kemm-il darba, bħala pajjiż, irridu nkomplu niżviluppaw ir-riżorsi umani, kapitali u dawk ta’ idejat, f’pajjiżna jeħtieġ li jkollna mentalita’ favur moviment ta‘ qawmien u tiġdid kontinwu.  Nemmen li kull wieħed minna li għandu kariga li fiha jrid jiddeċiedi, għandu jara li mhux biss ikun effiċjenti, iżda kontinwament krejattiv u innovattiv, u dan f’kull qasam u settur kummerċjali u industrijali.  

F’kelma waħda dak li jiddeċiedi jeħtieġ li jkun imprenditorjali, jaf u kapaċi jikkalkula u jirriskja bid-deċiżjonijiet li jieħu.  Inqas ma wieħed jiddeċiedi li jirriskja u jkun innovattiv, iżjed għandu l-probabilita’ li jitlef l-impjieg tiegħu, u dan għaliex l-entita’ li jkun fiha ma tibqax kompetittiva.  Filwaqt li iżjed ma wieħed ifittex li jirriska u jkun innovattiv, wara li jkun għamel ir-riċerka tiegħu, iżjed għandu l-probabilita’ li l-entita’ li fiha jkun jaħdem tikber u tespandi għaliex tibqa’ kompetittiva.  

Fiċ-ċirkustanza preżenti, fejn il-kompetizzjoni f’pajjiżna qed tiżdied b’ritmu mgħaġġel, b’żieda fin-numru ta’ l-operaturi kummerċjali, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-krejattivita’ ser ikunu l-aktar ħiliet li ser jgħinu lin-negozji rispettivi jkunu l-aktar kompetittivi.   

Full-time Gainfully Occupied

June

% Difference

2003

2004

Self-employed only

15,632

15,865

1.5

Men

13,565

13,731

1.2

Women

2,067

2,134

3.2

Wholesale and Retail

15,939

16,373

2.72

Table 1. Distribution of Labour Supply    

F’idejna lkoll, il-ġejjieni ta’ pajjiżna.  Ħafna jiddependi minn kemm ser ikunu kapaċi nagħmlu bidliet, nagħtu lilna nfusna direzzjoni, motivazzjoni, entużjażmu u naraw li kontinwament infittxu raġuni għaliex għandna nkomplu nkunu innovattivi.  

Irridu nibdew niddejqu “ma nbiddlux”.  

Irridu nibdew niddejqu nistabbilixxu l-karriera tagħna daqshekk kmieni fil-ħajja u naraw li ħadd ma jbiddel xejn biex nibqgħu f’dik il-kariga.  

Irridu nibdew niddejqu nħossuna komdi, għaliex fil-kumdita’ hemm il-periklu ta’ l-aljenazzjoni, telf tal-kompetittivita’ għan-negozji rispettivi u hekk ukoll għal negozji fuq livell nazzjonali.  

Inħares b’sodisfazzjon lejn il-parteċipazzjoni tiegħi f’din il-konferenza, għaliex din il-konferenza qieghda tiffoka fuq żvilupp u bidla ta’ mentalita’.  Min kif inhi fil-preżent, fejn ir-riskju fit-teħid tad-deċiżjoni u l-innovazzjoni ma humiex prijorita’, għal mentalita’ fejn it-teħid tad-deċiżjoni riskjuża wara evalwazzjoni favur l-innovazzjoni għandhom ikunu ta’ prijorita’.  

Meta nħares madwari u nipprova naqra’ s-sinjali taż-żminijiet, jiena nara li llum il-management, anke kif mgħallem fl-Universita’ ta’ Malta, għadu xi drabi f’dak l-istil li huwa ‘l bogħod mill-kapaċita’ ta’ l-għarfien ta’ l-innovazzjoni u l-krejattivita’ wara li tkun saret riċerka.  Il-mentalita’ tagħna f’dan ir-rispett wisq nibza’ li hija konservattiva.  Jiena konvint li aħna tajbin biex nimmaniġġjaw proċess ta’ produzzjoni iżda mhux daqshekk tajbin biex inkunu imprendituri u hekk innovaturi fl-iżvilupp tal-management tagħna.  

Nifhem li minn kemm ilna midħla ta’ l-iżvilupp industrijali, pajjiżna dejjem kważi kien stmat ta’ workshop u ftit kienu d-drabi fejn l-innovazzjoni kienet riżultat ta’ riċerka lokali.  Irrid ngħid li bħala settur kummerċjali u industrijali dejjem kellna ċerta kumdita’ ta’ protezzjoni.  

Fil-kummerċ kellna l-protezzjoni tal-levies u l-liċenzji t’importazzjoni u fil-manifattura meta ppruvajna nbiegħu lil Malta bħala post attrajenti għall-industrija, rajna kif nisfruttaw il-ħaddiem irħis li kellna.  Tant li konna wasalna biex iffriżajna l-paga.  Dak iż-żmien l-industrija li kienet tiġi f’pajjiżna kienet industrija li rriduċiet lil Malta bħala workshop, iżda mhux id-drawing office fejn ikunu maħsuba l-innovazzjonijiet tas-suq.  Maż-żmien ġara li dawk l-industriji li ma kellhom l-ebda sehem fl-innovazzjoni spiċċaw biex ġew trasferiti f’pajjizi fejn il-ħaddiem issa huwa orħos.  Ma’ dan kollu ġara xi ħaġa oħra li fil-fehma tiegħi hija iżjed gravi.   

Jiddispjaċini ninnota li minkejja li l-avveniment ta’ żvilupp ta’ l-industrija f’pajjiżna dovuta għall-paga irħisa issa ilu li għadda għexieren ta’ snin, xorta waħda nista’ ninnota li l-mentalita’ ta’ dak iż-żmien għadha tirrenja f’ħafna imħuħ.  

Per eżempju jekk inħarsu lejn l-industrija tagħna illum u nitgħallmu mill-esperjenzi ta’ suċċess, naraw li dawk l-industriji li qegħdin jaħdmu u qegħdin jiżviluppaw, qed ikollhom suċċess li hu dovut għas-sens qawwi ta’ riċerka u innovazzjoni lokali.  

Filwaqt li min ħaseb li ser jibqa’ sempliċiment il-workshop fejn xi ħadd minn barra jibgħat l-ordni għax-xogħol mingħajr ma ħaseb kif ser ikun parti mill-kunċett innovattiv tal-prodott tiegħu, spiċċa biex issa tpartat ma xi industrijalist ieħor li qed jaħdem b’anqas spejjeż f’pajjiż ieħor.  

Ma’ dawn l-esperjenzi ninnota wkoll b’dispjaċir kif per eżempju fl-Universita’ u ħafna mill-qasam edukattiv, (għalkemm issa jidher li qed ikun hemm xi żvilupp), fil-preparazzjoni edukattiva taż-żgħażagħ tagħna għadna bil-mentalita’ li kull student ser jispiċċa jaħdem impjegat.  Għalhekk għad ma għandniex preparazzjoni għas-sengħa impreditorjali ta’ l-istess żgħażagħ studenti tagħna, fejn ikunu imħeġġa jaħsbu wkoll kif huma jkunu midħla tar-riċerka u hekk jaħsbu iżjed kif ikunu aktar innovattivi fil-ħsieb u krejattivi fix-xogħol tagħhom.  Dan kollu għaliex il-probabilita’ hija li fil-ġejjieni ż-żgħażagħ tagħna iżjed ser ikunu qegħdin jaħdmu bħala self employed u freelancers milli bħala impjegati bil-paga fissa.  

Dawn huma l-ħsibijiet u l-prejokupazzjonijiet li qed naqsam magħkom għaliex jiena ma nemminx fl-istatus quo, speċjalment fejn jidħlu il-kummerċ u l-industrija.  

Jiena nemmen li qabel kull ħidma ta’ żvilupp ta’ l-inċentivi fiskali favur ir-riċerka, irid ikun hemm bidla ta’ mentalita’.  

Bi sħubija fl-Unjoni Ewropea, politikament Malta bdiet storja ġdida fejn l-ekonomija ta’ pajjiżna hija iżjed miftuħa u llum aktar minn qatt qabel fil-kummerċ ħadd ma baqgħalu protezzjoni.  Il-protezzjoni llum hija biss fil-kapaċita’ tal-ħsieb u fil-ħila imprenditorjali ta’ kull negozju li jipprova jagħmel ħiltu li jkun differenti minn negozju ieħor li hu ta’ l-istess ġeneru.  

Għalhekk kull min qiegħed fin-negozju, u kull min jipprepara lilu nnifsu għad-dinja tal-kummerċ, jeħtieġ li jkun jaf li llum is-suq huwa wieħed fejn l-opportunitajiet huma kbar, iżda fejn biex tasal trid taħdem ferm aktar iebes minn qatt qabel, għaliex fl-ebda qasam ta’ negozju ma inti waħdek.  Dejjem trid tikkompeti.  

Pajjiżna għal dawn l-aħħar għoxrin sena għex id-dibattitu dwar il-ġejjieni ta’ pajjiżna fis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.  Illum dak id-dibattitu spiċċa.  Hawn min qiegħed iħoss in-nuqqas ta’ dan id-dibattitu, iżda issa l-objettiv huwa wieħed, u dan huwa kif bħala pajjiż jeħtieġ li nikbru fl-Unjoni Ewropea.   

Dan ifisser li kull negozju jeħtieġ jara li jikber fl-Unjoni Ewropea, u biex kull negozju jikber fl-Unjoni Ewropea, irridu naraw kif nagħmlu l-bidliet meħtieġa, mhux fil-liġijiet, għaliex dawk issa saru, iżda bidliet fil-proċeduri tax-xogħol u l-mod ta’ kif niddeċiedu kemm fin-negozji, kif ukoll fl-Awtoritajiet u Dipartimenti.  

F’dan ir-rigward, il-kisba għall-effiċjenza u anqas burokrazija saru prijorita’ fil-ħidma tal-Gvern, iżda ma’ dawn il-prijoritajiet, il-Gvern jemmen ukoll li l-innovazzjoni u r-riċerka għandhom ukoll ikunu parti mill-prijoritajiet ġodda ta’ pajjiżna.  Persważ li maż-żmien għad naraw deċiżjonijiet iżjed prattiċi li jixhdu din id-deċiżjoni.  

Għal din ir-raġuni, jiena nara li din il-konferenza mhux qed tiddiskuti żewġ kunċetti differenti minn xulxin: ”Entrepreneurship and Innovation in Management”, iżda fil-fehma tiegħi hija konferenza li qed tiddiskuti l-aktar kunċett importanti jiġifieri l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kunċetti fuq l-aġenda mhux biss ta’ pajjiżna, iżda wkoll, b’mod partikolari, fuq l-aġenda ta’ dawk kollha li huma responsabbli mill-attivita’ kummerċjali u industrijali.  

Għalhekk jiena nara li s-suġġett ta’ din il-konferenza fuq kollox isostni l-bidla mixtieqa fl-attivita’ kummerċjali u industrijali ta’ pajjiżna, fejn il-ħtieġa ta’ l-innovazzjoni u r-riċerka f’kull settur tan-negozju u l-industrija tkun aktar magħrufa.  

Ħbieb,  

Nawguralkom mill-ġdid li permezz ta’ din il-konferenza jirnexxilkom tiftħu f’pajjiżna diskussjoni aktar dejjiema dwar il-ħtieġa ta’ aktar għarfien għall-imprenditorija bħala suġġett li ma għandux biss ikun il-qofol tal-ħsieb ta’ kull min qiegħed fil-kummerċ u fl-industrija, iżda wkoll għal min qiegħed impenjat biex ikun ta’ servizz fil-qasam pubbliku.

Jekk ma rridux nitilfu postna fit-tellieqa kompetittiva għall-investiment ma’ pajjiżi li huma irħas minnha, aħna bħala nazzjon irridu naraw kif ikollna aktar apprezzament lejn id-dover għall-innovazzjoni u l-krejattivita’.  Din il-ħila ġdida fil-qasam industrijali u kummerċjali għandha tkun biżżejjed biex tagħti l-‘competitive edge’ tant mixtieqa lil pajjiżna.  

Dawn il-ħsibijiet naqsamhom magħkom bil-għan li bħala pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea, aħna lkoll imsieħba nifhmu kif flimkien irridu nimplimentaw l-objettiv ta’ Lisbona, li ‘Nagħmlu mill-Unjoni Ewropea l-aktar ekonomija dinamika u kompetittiva fid-dinja bbażata fuq l-informazzjoni’.  Biex nagħmlu dan, irridu wkoll nifhmu li dan l-objettiv ma huwiex biss l-objettiv tal-Gvernijiet Ewropej, iżda ta’ kull imprenditur, industrijalista u ta’ kull min huwa responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet f’kull pajjiż, inkluż pajjiżna.

Din issa hija wkoll l-aġenda tagħna lkoll li jekk nifmuha kapaċi tagħmel id-differenza bejn individwi li qegħdin fin-negozju, bejn negozju u ieħor, u l-industriji bejniethom.  

Għalhekk, irrid intemm dan l-intervent billi nirringrazzjakom għal din l-opportunita’, iżda fuq kollox irrid nifirħilkom li għażiltu dan is-suġġett, u nawgura li fil-ġejjieni jkolli l-opportunita’ li naħdem aktar fil-qrib tagħkom biex f’pajjiżna nkomplu bil-bidliet meħtieġa.  Pajjiżna għalhekk jeħtieġ bidliet li jwasslu lejn l-għarfien tal-valur ta’ l-innovazzjoni, li huwa l-qofol ta’ l-implimentazzjoni ta’ management imprenditorjali.

Il-ħidma tal-Gvern ukoll qiegħda tkun immirata biex pajjiżna jkollu l-istrutturi tiegħu, kemm fil-qasam edukattiv kif ukoll f’dak industrijali, li jgħinu biex ir-riċerka u l-innovazzjoni ikunu l-prijorita’ ta’ dawk kollha li huma parti mis-sistema edukattiva, kummerċjali u industrijali ta’ pajjiżna.  Hekk biss naslu li nagħmlu minn pajjiżna pajjiż imprenditorjali fejn:  

Il-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu tagħna kapaċi jkompli jitjieb  

L-ambjent ikun imħares  

Isir l-aħjar użu mir-riżorsi ta’ l-enerġija, u  

Opportunitajiet ġodda ta’ xogħol ikompli jinħolqu.    

DOI  05.11.2004

38.57 Kbytes Last Modified on 05th November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow