Left arrow Go Back

IR-RABA' RAPPORT ANNWALI DWAR IL-LIĠI OPPORTUNITAJIET INDAQS (PERSUNI B'DIŻABILITÀ)

PR1710
Date Icon 03/11/2004

Il-Kummissjoni Persuni b’Diżabilità ppreżentat ir-Rapport Annwali tagħħa dwar il-Liġi Opportunitajiet Indaqs lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Dolores Cristina.  

Waħda mill-aktar obbligi importanti tal-Kummissjoni hu t-tħaddim effettiv tal-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilita’, 2000). Fix-xogħol tagħha, il-Kummissjoni tiffoka fuq l-operat ta' din il-Liġi u peress li din kienet daħlet fis-seħħ f’Ottubru tas-sena 2000, kull sena, f’dan iż-żmien, jiġi ppreżentat ir-Rapport Annwali. Dan apparti mir-Rapport tas-sena kalendarja dwar il-ħidma ġenerali tal-Kummissjoni.  

Matul din is-sena, żdied b'mod sostanzjali l-ammont ta' konsultazzjoni li l-Kummissjoni kellha, kemm mal-persuni b'diżabilità, il-familji u l-organizzazzjonijiet tagħhom, kif ukoll ma' entitajiet li għandhom xi obbligu skond din il-liġi, per eżempju min iħaddem jew min jipprovdi xi servizz. Din is-sena, il-Kummissjoni waqqfet ukoll Bord biex jgħinha tiddeċiedi ‘X'inħu Raġonevoli’ skond Taqsima IV ta' l-istess liġi. Dan il-Bord hu kompost minn persuni li ġejjin minn setturi differenti: persuni b'diżabilità, carers, l-industrija tal-kostruzzjoni u l-intrapriża ġenerali. Dan huwa aspett pożittiv għax fl-operat tagħha l-Kummissjoni, issa, tista’ tħares b’perspettiva aktar wiesa’. Barra  minnhekk, il-kunċett fil-qasam legali ta' ‘X'inħu Raġonevoli’ hu wieħed ġdid li għadu qed jevolvi.  Għaldaqstant hu tajjeb li l-Kummissjoni jkollha grupp ta' nies minn setturi differenti li jgħinuha f'din il-ħidma. Permezz tal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tista’ twassal il-messaġġ tagħha li għalkemm xogħolha jinkludi li tara li l-Liġi ma tinkisirx, tista’ titqies ukoll bħala entità li, permezz tad-djalogu, tgħin biex il-persuni b'diżabilità jkollhom verament opportunitajiet indaqs għall-kwalità ta' ħajja aħjar.  

Aspett inkoraġġanti hu li ħafna mill-każijet li qed ikollha l-Kummissjoni qegħdin jiġu riżolti fi żmien qasir. Dan juri li hemm ir-rieda li meta l-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għal xi diskriminazzjoni li tkun qed isir, il-proċess biex din tiġi eleminata ma jieħux fit-tul. Dan jgħin ukoll biex tinbena mentalità aktar positiva lejn dan is-settur. Il-liġi qed tgħin biex ikun hemm bidla fl-attitudni ġenerali tas-soċjetà lejn dan il-qasam. Minn attitudni li tħares lejn il-persuni b’diżabilità b’mod paternalistiku u ta' karità għal waħda ta' rispett għad-drittijiet umani; minn waħda fejn is-soċjetà tara l-problema tad-diżabilità fil-nuqqas fiżiku jew mentali tal-persuna, għal waħda li tiffoka fuq l-ostakoli li l-ambent jista’ jkun qed jippreżenta lill-persuni b'diżabilità u l-familji tagħhom.  

Il-Ministru Cristina qalet li l-liġi issa ilha 4 snin titħaddem, “Dan hu qasam li, bi pjaċir ngħid, dejjem miexi ’il quddiem, anke minħabba l-fatt li f'dan is-settur dejjem kien hawn kunsens politiku”. “Inizjattiva ġdida li żgur li se tgħin biex tkompli tassigura opportunitajiet indaqs lill-persuni b'diżabilità hi l-Iskema għal Sapport Permanenti fl-Impjieg, li l-ETC għada kemm varat. Din l-iskema saret possibbli permezz ta' fondi li Malta għandha mill-European Social Fund”, kompliet il-Ministru Cristina.

“Kif qal tajjeb iċ-chairman tal-Kummissjoni, Joe Camilleri fl-introduzzjoni għal dan ir-rapport, din il-liġi saret biċċa għodda mill-aqwa biex il-persuni b'diżabilità jkunu ċittadini integrati tas-soċjetà. Hu importanti ħafna li din il-liġi tintuża tajjeb. Meta l-persuni b'diżabilità jkollhom opportunitajiet indaqs, il-kwalità tal-ħajja ma titjiebx biss għalihom u għall-familji tagħhom, imma għas-soċjetà kollha” temmet tgħid il-Ministru Cristina.

DOI  03.11.2004

7.77 Kbytes Last Modified on 03rd November, 2004

HOME | GOV.MT 

HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow