IL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI JKOMPLI JIPPERSISTI FIT-TATTIKA TIEGĦU LI JINNEGA L-VERITÀ TAL-FATTI
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-bieraħ indirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet biex jipprova jsewwi t-tidwir bid-diskors li sar minn nhar il-Ħadd ’l hawn.
Nhar il-Ħadd li għadda, l-Onor. Alfred Sant qal li l-Gvern f’Awissu li għadda nefaq Lm4 miljun biex jixtri l-ishma fil-Brindisi Terminal Italia spa. F’żewġ stqarrijiet, il-Gvern stqarr li din kienet invenzjoni.
Għall-ewwel darba l-bieraħ il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ammetta li kien żbaljat li f’Awissu l-Gvern xtara l-ishma. Kif spjega l-Gvern, l-ishma fil-Brindisi Terminal Italia spa nxtraw fi Frar ta’ qabel għal Lm149,000. Biex isewwi l-iżball tiegħu, Dr. Alfred Sant il-bieraħ qal li l-Lm4,000,000 li semma l-Ħadd li għadda, kienu fil-fatt investiment tal-Gvern fi Brindisi Terminal Italia spa.
Din hi wkoll invenzjoni. Għal darb’oħra l-Gvern itenni dak li stqarr tlett darbiet, li l-Freeport Terminal ( Malta ) qed tibdel minn bank Taljan għal bank Malti l-finanzjament tas-self li għamlet Brindisi Terminal Italia spa biex tixtri l-makkinarju. Dan biex ikun possibbli li s-self jitħallas b’pass aktar komdu għall-Malta Freeport.
Il-fatt li l-Malta Freeport issellfet il-flus biex tiffinanzja dan is-self hi amministrazzjoni ordinarja li tiġri l-ħin kollu fil-partijiet kollha tal-Gvern li jużaw il-banek għall-operat normali tagħhom, bħalma hi amministrazzjoni ordinarja wkoll it-tip t’ittra li rrefera għaliha l-bieraħ il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni fil-konferenza ta’ l-aħbarijiet. Fil-fatt li l-Gvern jiggarantixxi dan is-self hu perfettament normali tant li mill-1 ta’ Jannar li għadda l-Gvern ħareġ b’kollox tlettax-il ittra ta’ dan it-tip għal self differenti.
Dawn huma proċeduri li żgur huma għal kollox familjarji għall-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li iżda donnu jaħseb li kull min jisimgħu ma jifhimx u jemmen kull ma jisma’. M’hemmx dubju li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u kull min jisimgħu jifhmu li hemm differenza kompleta bejn li wieħed iħallas self li jkun sar qabel, u li wieħed jagħmel investiment ġdid. Dr. Alfred Sant qed jipprova ipartat wieħed ma’ l-ieħor.
Fil-kummenti tiegħu, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-bieraħ għamel u-turn oħra. Għall-ewwel darba, l-Onor. Alfred Sant ammetta li l-investiment fi Brindisi Terminal Italia spa kien inizjattiva tal-Gvern immexxi mill-Partit Laburista li approva hu u li kien jaqbel magħha hu. Wieħed ma jistax ma jinnotax li Dr. Alfred Sant stenna s’issa biex jammetti li kien hu li welled din l-inizjattiva li issa qed jikkritika b’mod tant qawwi.
DOI 03.11.2004
6.18 Kbytes Last Modified on 03rd November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946