IL-DĦUL TAL-BDIEWA MALTIN U GĦAWDXIN KOMPLA JIŻDIED MATUL DIN IS-SENA
Id-dħul tal-bdiewa Maltin u Għawdxin żdied b’iktar minn 17% fuq is-sena l-oħra fil-perjodu bejn Lulju u Settembu ta’ din is-sena. Dan meta wieħed iqis ukoll is-sussidju ta’ Lm440,000 li l-bdiewa ħadu mill-Gvern Malti u mill-Unjoni Ewropea.
Dawn is-sussidji huma possibbli wara n-negozjati ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan qed jgħin lill-bdiewa jirristrutturaw ruħhom u jsiru iktar kompetittivi.
Ir-riżultati li huma indikati fl-istatistika maħruġa din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika huma riżultati pożittivi, fis-sens illi l-ammont ta’ frott u ħaxix li għadda mill-pitkalija rreġistra żieda ta’ 2.2 miljun kilo jew 16% għal total ta’ 16.3 miljun kilo, meta mqabbel mas-sena l-oħra. Madankollu ż-żieda fil-valur tal-bejgħ kienet b’kollox ta 1.6%. Il-kwantita’ ta’ ħxejjex friski li għaddew mill-pitkalija żdiedet b’1.9miljun jew 14% għal 15-il miljun kilo din is-sena.
Bħala total, il-valur tal-bejgħ bl-ingrossa tal-ħaxix frisk żdied minn Lm1.56 miljun fi-tliet xhur sa Settembru ta’ l-2003 għal Lm1.62 miljun fl-istess perjodu din is-sena żieda ta’ 4.3%.
Fit-tliet xhur, minn Lulju sa’ Settembru 2004 għaddew 1.3 miljun kilo ta’ frott mill-Pitkalija, żieda ta’ 0.4 miljun kilo jew 43% fuq is-sena li għaddiet. Il-valur tal-bejgħ bl-ingrossa naqas 7% għal Lm0.44 miljun din is-sena. Dan kien dovut għal tnaqqis fil-prezz tal-għeneb u n-nectarines, minħabba li kien hawn produzzjoni qawwija ħafna din is-sena. Fit-tliet xhur sa Settembru l-bdiewa Maltin biegħu 13-il miljun kilo tal-prodott frisk li għadda mill-pitkalija. Meta mqabbel ma’ l-istess perjodu s-sena li għaddiet, is-sehem tal-prodott Malti kiber bi 8 punti perċentwali. Dan kien dovut għal żieda fil-produzzjoni tal-bettiegħ, tadam, għeneb u ħawħ. Fil-perjodu msemmi, il-valur bl-ingrossa żdied minn Lm1.57 miljun għal Lm1.64.
Irid jingħad ukoll li l-konsumatur Malti baqa’ jagħżel prodotti lokali minkejja li żdiedet l-importazzjoni ta’ frott u ħaxix minn barra.
F’Settembru, l-indici tal-ħaxix frisk kien fil-livell ta’ 71.48 punt, 34 punt jew 32% inqas milli fl-istess xahar is-sena li għaddiet, dan kien dovut għall-fatt li kellna iktar produzzjoni u li allura normalment jaqa’ il-prezz billi kien hemm żieda qawwija fil-produzzjoni.
Il-Gvern hu impenjat li jkompli jgħin lis-settur agrikolu u dan se jibqa’ jseħħ kemm permezz ta’ għajnuna finanzjarja kif ukoll għajnuna teknika. B’hekk ikun żgurat li l-bdiewa Maltin u Għawdxin jibqgħu jisfruttaw bl-aħjar mod is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
DOI 02.11.2004
6.18 Kbytes Last Modified on 02nd November, 2004
HOME | GOV.MT
HELP | LINKS | SITEMAP | SEARCH
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946